Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mindu daħlet fis-seħħ il-liġi dwar l-IVF, disa’ nisa qegħdin jistennew tarbija permezz ta’ dan it-trattament u l-emendi li saru fil-liġi.
Il-liġi l-ġdida hija aktar moderna, ibbażata fuq ix-xjenza li tagħti l-opportunità lil mijiet ta’ familji biex jiġu ffurmati.
L-emendi fil-liġi għaddew mill-Parlament f’Ġunju li għadda b’34 vot favur u 27 vot kontra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia vvota kontra din il-liġi u qal li jneħħiha jekk ikun fil-Gvern.
F’attività politika fl-Isla, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-liġi kompliet toħroġ id-differenza fundamentali bejn iż-żewġ naħat. Qal li l-liġi tat mhux biss il-libertà iżda l-ħajja u t-tama lil aktar nies biex ikollhom familja. Sostna li minkejja r-reżistenza tal-Oppożizzjoni, il-Gvern daħħal liġi progressiva li qed tagħti aktar opportunità li jiġu ffurmati familja.
Il-Prim Ministru sostna li din il-liġi toħroġ differenza fundamentali fil-viżjonijiet differenti bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.