Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija dwar każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.
Rapport f’The Sunday Times ikkwota sorsi qrib il-Pulizija jikkonfermaw li f’Marzu rċeviet rapport investigattiv mill-Aġenzija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.
Ir-rapport tal-FIAU rrakkomanda li tinfetaħ investigazzjoni kriminali dwar il-possibilità ta’ ħasil ta’ flus għal sidien Maltin ta’ żewġt ibriedel f’Soho u li allegatament jinvolvi lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Meta kkuntattjat Delia qal li ma kellux idea li kienet għaddejja investigazzjoni mill-pulizija dwar l-allegat ċirku ta’ prostituzzjoni jew li huwa kien b’xi mod involut f’dan il-każ.
Kienet il-blogger Daphne Caruana Galizia li ftit tal-ġimgħat qabel inqatlet, allegat li Delia daħħal aktar minn miljun ewro minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra. Dan permezz ta’ kont bankarju li kellu f’ismu f’Jersey u li fih suppost kienu qed jidħlu flus minn kirjiet ta’ proprjetajiet f’Londra. Huwa allegat li f’dan il-kont kienu jidħlu għoxrin elf sterlina kull xahar.
L-allegazzjonijiet saru fl-eqqel tal-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, bl-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li Delia kellu jiritra mill-elezzjoni minħabba dawk li kien sejjaħ akkużi serji u gravi fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista.
Fl-allegazzjonijiet tagħha, Caruana Galizia qalet li l-ħlasijiet tal-kirjiet fil-kont bankarju ta’ Delia kienu fil-fatt flus li ġejjien mill-prostituzzjoni. Hu mifhum li l-flus ġew ittrasferiti f’isem Emmanuel Bajada, persuna assoċjata ma’ Delia.
Disa’ snin ilu, Bajada ammetta fil-qorti Maltija każ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni.
Jidher li l-flus kienu jiġu ddepożitati fil-kont tal-bank ta’ Delia f’Jersey minn mart Bajada. Caruana Galizia żiedet tallega li l-flus kienu se jinħaslu f’kont li ħu Bajada Eucharist kellu fil-Marshall Islands.
Delia ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li ma kiser l-ebda liġi. Madankollu huwa dejjem irrifjuta li jitlob investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet u saħansitra rtira l-erba’ libelli li kien fetaħ lil Caruana Galizia hekk eżatt kif inqatlet.