Sewwieq ta’ mutur indarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Birżebbuġa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-18:00m tas-Sibt filgħaxija fi Triq Birżebbuġa, Birżebbuġa.
Mill-ewwel investigazzjonijiet, jidher li mutur tat-tip Yamaha XP500, misjuq minn raġel ta’ 45 sena minn Birżebbuġa, ħabat ma’ vettura tat-tip Peugeot 107, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena, minn Birżebbuġa wkoll.
Is-sewwieq tal-mutur ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.