Andrew Formosa ta’ 34 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li f’argument mal-eks sieħba tiegħu, kissrilha l-mobile u heddidha.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, intqal kif waqt li wassal lit-tifla tiegħu d-dar, Formosa kellu argument mal-eks sieħba tiegħu, imbuttaħa, kissrilha l-mobile filwaqt li daħal ifittex xi dokumenti mid-dar. Dak il-ħin huwa qallha wkoll li se jkun qed jistenniha barra.
L-Ispettur Oriana Spiteri qalet li wara li l-mara marret tagħmel rapport l-għassa, l-Appoġġ ġew infurmati u kkonkludu li r-raġel jista’ jkun ta’ periklu, u għalekk ġie arrestat. Il-prosekuzzjoni ppreżentat numru ta’ dokumenti fosthom ir-risk assessment li sar mill-ħaddiema soċjali tat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika mill-Aġenzija Appoġġ.
Id-difiża, immexxija mill-avukat Alfred Abela iddikjarat li l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-liġi tista’ tipprovdi meżżi li tippreveni aktar inċidenti. Huwa argumenta dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-argument. L-avukat spjega wkoll li kien hemm missier l-imputat preżenti dak il-ħin tal-argument.
L-avukat spjega wkoll kif omm l-akkużat, li kienet preżenti fl-awla kienet lesta li tagħmel tajjeb għall-garanzija fuq it-tifel u sabiex hi ukoll tassigura li ma jerġax ixellef difru mal-ġustizzja.
Għal diversi drabi d-difiża twaqqaf lill-imputat milli jintervjeni fil-kawża. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet sabiex jipproteġu l-vittma minn xi vjolenza.
Għalekk il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni kontra l-imputat. B’din l-ordni l-imputat huwa ma jistax jersaq lejha u ma jistax jidħol fir-residenza tagħha. Huwa ġie pprojbit ukoll milli jsiefer mingħajr l-approvazzjoni tal-Qorti. L-imputat inħarġitlu wkoll garanzija personali ta’ €2,800.