Il-Kunsill tal-Kamra tal-Periti ta’ Malta laqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper dwar ir-riforma tas-suq tal-kera, li kienet ippreżentata mil-Gvern għall-konsultazzjoni ftit tax-xhur ilu.
Fi stqarrija, il-Kunsill faħħar lill-Gvern, hekk kif ħadem bla qies fuq il-kwalità tad-dokument, u mexxa konsultazzjoni wiesgħa dwar il-White Paper.
Il-Kunsill qal ukoll li l-isforz li għamel il-Gvern għat-tfassil ta’ din il-White Paper għandu jinżamm bħala eżempju ta’ kif għandhom isiru proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika minn entitajiet pubbliċi fil-futur.
Il-White Paper dwar ir-riforma fis-suq tal-kera huwa dokument ibbażat fuq riċerka, li tidentifika b’mod tajjeb il-problemi fis-suq tal-kera lokali u tipproponi strateġija biex jiġu indirizzati dawn il-problemi filwaqt li żżomm bilanċ bejn l-interessi tassidien u ta’ l-inkwilini.
Tant, li l-impatt tal-kriżi attwali fis-suq tal-kera u fis-suq tal-bejgħ tal-proprjetà huwa spjegat b’mod ċar u inekwivoku.
Il-White Paper tpoġġi l-argument li l-kriżi li għandna llum hija riżultat kemm ta’ l-ekonomija li qed tikber b’mod mgħaġġel, kif ukoll minħabba t-tibdil fil-kompożizzjoni tal-familji Maltin u t-tipi diversi ta’ inkwilini, inkluż iż-żieda fis-separazzjonijiet u divorzji, u persuni waħidhom li jfittxu post għall-kiri.
Il-Kunsill tal-Kamra tal-Periti għamel numru ta’ suġġerimenti u osservazzjonijiet dwar il-proposti tal-White Paper, fosthom l-introduzzjoni ta’ housing allowance, simili għall-benefiċċju tal-housing li jingħata fir-Renju Unit.
Fuq kollox, il-Kunsill qal li l-White Paper hija dokument pożittiv, li abbażi ta’ riċerka dettaljata, tipproponi numru ta’ mekkaniżmi regolatorji biex tkun miġġielda l-kriżi fis-suq.
Issa, il-pass li jmiss huwa li l-proposti fid-dokument ikunu studjati u kkusnidrati b’mod għaqli.