Libjan ta’ 36 sena miż-Żejtun sofra ġrieħi gravi wara li safa` aggredit b’arma li taqta’ u bil-ponta. L-inident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-01:00 meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument bejn diversi persuni fi Triq San Ġwann T’Għuxa, Bormla.
Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-membri mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post, fejn hawnhekk instab raġel mal-art li kellu xi ġrieħi. Minn investigazzjonijiet illi saru irriżulta li allegatament, waqt l-argument, il-vittma qala’ daqqiet b’arma li taqta u bil-ponta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.