Amy Camilleri hija omm ta’ 42 sena bħal ħafna oħrajn. Tpoġġi lil uliedha l-ewwel u qabel kollox, tissielet mal-ħin, u tara li tlaħħaq ma’ kulma għandha bżonn tagħmel hi u għaż-żewġ uliedha.
Iżda l-istorja ta’ Amy hija mimlija mewġ u tiġrib li ftit kapaċi jiġġieldu.
Ftit biss wara li żżewġet, fl-2001, Amy tilfet l-ewwel tarbija tagħha. Minn hemm, it-tobba ndunaw li l-kliewi tagħha ma baqgħux jiffunzjonaw kif suppost, u għalhekk, biex tibqa’ tgħix, kellha bżonn mod urġenti ta’ kif ġisimha seta’ jinfiltra d-demm.Amy irrakkontat kif “Kont nagħmel dialysis, li huwa trattament fejn inti tagħmel erba’ sigħat fuq magna, u din tinfiltralek id-demm bħal tip ta’ kilwa artifiċċjali. Biex inti tkun tista’ tkompli tgħix.”
Ħajjitha reġgħet inbidelt wara li fl-elfejn u tnejn, wara proċess twil ta’ testijiet mediċi, ommha offrietilha li tagħtiha l-kilwa tagħha. Sentejn wara, kellha l-ewwel wild, tifel, kif dejjem xtaqet.
Minn hawnhekk, ħajjet Amy inbidlet għall-aħjar, għax issa kienet qed tiddependi biss fuq pilloli u mhux trattamenti mediċi ta’ erba’ sigħat.
Iżda l-problemi reġgħu tfaċċaw fit-tieni tqala.
Spjegat kif “Meta kelli t-tifla kelli bżonn nieħu ħafna demm biex inwassal sal-aħħar. Kull xahrejn kont nieħu xi żewġ units demm. Jiġifieri ara kemm hu bżonnjuż id-demm, salvali t-tqala nista’ ngħid għax b’hekk seta’ kelli t-tifla.”
Fl-2014, ġisimha beda’ jiċħad il-funzjoni tal-kilwa li tatha ommha, u Amy kellha terġa’ titpoġġa fuq trattament mediku. Din id-darba, kienet ferm aktar kiefra.
Qalet li “Kien aktar kiefer għaliex kelli żewġt itfal x’nieħu ħsieb issa, qabel ma kellix tfal. Allura ridt nieħu t-trattament u nibqa’ għaddejja mal-ħajja. U ma stajtx nixrob kemm xtaqt, aktar minn litru ma tistax tixrob u trid tqis kollox. Kienet kiefra speċjalment fis-sajf.”
Iżda, reġa’ kien hemm raġġ ta’ tama.
Spjegat kif “Sentejn ilu, fl-2016, oħti salvatli ħajti, u nista’ ngħid li qed ngħix. Jien ngħid li bis-saħħa ta’ ommi kelli żewġt itfal, u bil-kilwa ta’ oħti jalla l-bambin jagħtini s-saħħa biex ingawdihom, inrabbihom, u nwassalhom sa fejn għandhom jaslu.”
L-appoġġ ma sabitux biss mill-familji u mill-qraba, iżda anke mill-ġirien li kienu jgħinuha fil-faċendi, għaqdiet volontarji li kienu jibagħtu persuna tgħinha fit-tisjir, u fuq kollox, is-servizzi mediċi offruti fl-isptarijiet tagħna.
Lil Amy kellimniha waqt il-bidu ta’ kampanja ta’ ONE Radio li għandha l-ħsieb tħeġġeġ lill-pubbliku jagħti d-demm. Iżda ħafna għadhom jistaqsu, ‘id-demm tiegħi għandhom bżonn?.
Amy qalet ma’ ONE News “Biss nixtieq ngħid li inti l-ewwel nett se tkun qed issalva l-ħajja ta’ ħaddieħor, jien kieku ma ħadtx id-demm ma kienx ikolli t-tifla. Apparti hekk, tħoss is-sodisfazzjon għax qed tgħin lil ħaddieħor. Minn hawnhekk, inħeġġeġ lin-nies jiġu jagħtu d-demm għax għal ftit mill-ħin tiegħek u naqra biża’, se ssalva, se tħoss sodisfazzjon li wara salvajt ħafna u ħafna ħajjiet.”