Seba’ persuni; sitt Sqallin u Malti, ġew arrestati fuq suspett li kienu involuti biex tiddaħħal f’Malta konsenja ta’ kannabis. Fi stqarrija, il-Pulizija fissret kif l-arresti saru wara diversi spezzjonijiet f’numru ta’ vetturi li kienu għadhom kif waslu f’Malta minn Pozzallo fi Sqallija.
F’waħda minn dawn il-vetturi li twaqqfet fl-inħawi ta’ Birkirkara, instagħbu għoxrin kilo ta’ sustanza suspettata pjanta tal-kannabis, li kienet ippakjata ġo erbgħa u tletin pakkett u moħbija madwar il-vettura.
Is-seba’ persuni qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.
Dwar il-każ, qed titmexxa inkjesta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.