Fil-jiem li ġejjin se jibda x-xogħol fuq l-ewwel struttura minn seba’ li se jieħdu post id-dwal tat-traffiku fil-Junction tal-Marsa. L-ewwel struttura se tgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Garibaldi.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg meta żar ix-xogħlijiet li qegħin isiru b’investiment ta’ sebgħin miljun ewro, wara li matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ġiet konkluża t-tieni fażi tal-proġett.
Spjega kif “It-tielet fażi se tara l-bini ta’ seba’ strutturi u tajjeb li ngħidu li ħa nkunu qegħdin nagħtu l-ewwel pont minn Triq Aldo Moro lejn it-Triq Garibaldi. Naħseb dik hija aħbar importanti għal-lum ukoll fejn issa nħares ‘l quddiem biex ir-ritmu jkompli għaddej bl-istess mod kif kien fl-ewwel u fit-tieni fażi bit-tielet fażi ħa jkollna wkoll kumpanija barranija li rebħet l-aħjar offerta.”Ix-xogħol fuq is-seba’ strutturi jimmarka l-bidu tat-tielet fażi tal-proġett. Dan wara li fit-tieni fażi Triq Aldo Moro twessgħet għal għaxar korsiji. Fl-istess waqt toroq oħra fil-madwar twessgħu sabiex jilqgħu għat-traffiku f’waħda mill-aktar żoni traffikużi fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Il-Ministru Borg qal li “It-tieni fażi rat Triq Aldo Moro li minn tliet korsiji ‘l fuq u tliet korsiji ‘l isfel issa għandek sitt korsiji lejn il-Belt u erbgħa lejn is-south tal-pajjiż, jiġifieri għaxar korsiji. Dan allura jippermetti sabiex kull min dieħel lejn din il-kuritur prinċipali m’għandux għalfejn jieqaf iktar.”
It-tieni fażi inkludiet bini ta’ karreġġjati ġodda flimkien ma’ korsija ta’ erba’ mitt metru għaċ-ċiklisti. Dan filwaqt li s-servizzi kollha ġew mgħoddija taħt din it-triq li minnha jgħaddu mat-tmient elef vettura fis-siegħa.
Qal kif “Intużaw 11,500 tunellata ta’ asfalt fejn kellek sitt kilometri ta’ servizzi taħt l-art u aktar minn tliet kilometri ta’ korsiji ġodda li nbnew. Naħseb li dan huwa riżultat li ser iħalli traffic flow aħjar għal dawk in-nies li jivjaġġaw.”
Il-Ministru Borg ta ħajr lill-mijiet ta’ persuni involuti f’dan il-proġett u stqarr kif dan il-proġett huwa mudell tal-bidla fil-kultura u l-mentalità ta’ kif għandhom isiru proġetti ta’ dan il-livell. Dan hekk kif il-proġett miexi skont l-iskeda u huwa ppjanat li jitlesta fi żmien sentejn.
Il-Ministru Borg spjega kif “Fadlilna sentejn xogħol intensivi sabiex dawn is-seba’ strutturi jkunu jistgħu jittellgħu u nagħtu darba għal dejjem lin-nies tan-naħa t’isfel tal-pajjiż kuritur aħjar ħalli nkomplu nifaċilitaw il-mobilita għalihom u għan-nies tan-negozju.”