Michelle Wilson ta’ 46 sena minn Ħaż-Żabbar ġiet ikkundannata ħames xhur ħabs wara li wieġbet ħatja li serqet xi ħwejjeġ minn diversi stabbilimenti.
Hija kienet mixlija mill-Ispetturi Priscilla Caruana Lee u Jeffrey Scicluna, li bejn Settembru u dan ix-xahar serqet ħwejjeġ u oġġetti oħra mill-istabbilimenti Pull and Bear, Bershka, New Look, u Kiabi, bl-intenzjoni li tbigħhom. Jidher ukoll li Wilson wettqet ir-reati waqt li kienet fuq probation.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ikkundannat lill-mara ħames xhur ħabs wara li qieset l-ammissjoni u ċ-ċirkostanzi tal-mara, u poġġieta taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.
Hija ordnat ukoll li l-mara tinżamm fit-taqsima forensika tal-ħabs biex tkun tista’ tirċievi trattament għall-problema tad-droga.