Id-Deputat Rosianne Cutajar ippreżentat żewġ kawżi ta’ libell b’rabta ma’ tgħajjir malafamanti u personali li kien hemm fil-konfront tagħha fl-aħħar ġimgħat. Tgħajjir u attakki fuq il-midja soċjali minn persuni qrib il-Partit Nazzjonalista, partikolarment il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.Id-Deputat Rosianne Cutajar qalet li minkejja li ilha 8 snin fil-politika,dawn huma l-ewwel libelli li qed tgħamel.
F’kummenti dwar dan,Rosianne Cutajar irrimarkat: “Kont instigata nagħmel dawn il-libelli mill-fatt li fl-aħħar jiem donnu kien hawn min ried jiġġustifika diskors malafamanti, bħal tgħajjir ta’ qaħba u qahba f’xalata, fost kliem oħrajn u insinwazzjonijiet. Filwaqt li ngħożż il-libertà tal-kelma nemmen li rridu nibagħtu messaġġ favur dibattitu iktar dinjituż. Ħassejt ukoll obbligu lejn in-nies li nirrappreżenta li ma naċċettax dan it-tip ta’ diskors proprju f’perjodu fejn qed nitkellmu tant kontra l-vjolenza u harassment”
Cutajar żiedet kif meta diskors simili ntqal fuq persuni oħra qrib il-Partit Nazzjonalista kien hemm kundanni mmedjati mill-media u diversi organizzazjonijiet, kif kellu jkun. “Iżda, donnu hawn min jaċċetah jekk ikun fuq xi ħadd ġej mill-Partit Laburista. B’din l-azzjoni rrid nibgħat messaġġ li l-ebda mara, lanqas min hu fil-politika, m’għandha taċċetta dan id-diskors li huwa attakk fuq id-dinjità tagħha,” żiedet id-deputat Laburista Cutajar.