Arrestata mill-ġdid il-mara li darbet lill-ġarha b’daqqa ta’ martell tal-laħam.
Kien proprju lbieraħ li Charlene Gatt ta’ 33 sena nħelset mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li darbet gravi lill-ġarha, li hedditha u li kissret il-paċi pubbliku. Il-Qorti ħelsitha mill-arrest bil-kundizzjoni li ma tersaqx lejn ir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar u li toqgħod f’appartament f’Raħal Ġdid bejn is-19:00 u t-8:00 ta’ filgħodu.
Iżda kmieni dalgħodu Gatt ġiet arrestata mill-ġdid wara li kissret il-kundizzjonijiet tal-bail wara li l-Pulizija lemħuha lura fir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar.
L-akkużata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha. Hi wkoll tilfet l-garanzija personali ta’ €10,000 li tat ilbieraħ. Kien proprju lbieraħ li l-Qorti semgħet kif mara spiċċat ittrawmatizzata wara li qalgħet daqqiet ta’ martell mill-ġarha, meta din tal-aħħar jidher li ħarġet għaliha u għal binha, li għandu sitt snin.
Ikkuntattjata minn one.com.mt, Michelle Agius, li għandha 32 sena, qalet li hija sofriet dan kollu għaliex ippruvat issalva lil binha milli jweġġa’ f’dan kollu.
Hekk kif binha rnexxielu jaħrab mill-periklu, Agius sofriet diversi daqqiet ta’ martell f’daharha u f’wiċċha mill-ġarha stess.
Lura f’Ottubru, Gatt spiċċat arrestata wara li kissret il-windscreen tal-karozza tal-ġarha, u minn dakinhar, saru diversi rapporti kontriha minn diversi residenti fil-Qawra.
Fir-ritratt: Michelle Agius