Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li min għad xi darba jiddeċiedi li joħroġ mill-UE se jkun tgħallem il-lezzjoni tal-Brexit u jieħu triq oħra flok il-metodu tal-Gvern Brittaniku. Dr Sant, waqt dibattitu dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE fil-Parlament Ewropew, semma l-eżempju tat-Trattat ta’ Versailles tal-1918 fejn in-naħa li tmur ħażin tispiċċa tpattiha lura.“Fuq naħa, huwa ċar li l-ftehim tal-Brexit li għadu kif ġie ffirmat, huwa l-uniku wieħed possibbli taħt dawn iċ-ċirkustanzi. Min-naħa l-oħra bl-istess mod huwa ċar li waqt li l-UE ħadet ħsieb l-interessi kollha tagħha, ir-Renju Unit irtira minn kull front ta’ ingaġġ. Fost raġunijiet oħra dan ġara għax il-pożizzjonijiet ta’ negozjar u l-istrateġiji tiegħu ma kinux daqstant koerenti.”
L-MEP Malti qal li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex timmanuvra lejn l-estrem il-vantaġġi li għandha bħala negozjatur. Dan jista’ jwassal għal konsegwenzi serji, imprevedibbli u mhux intenzjonati.
“Waqt ftehim, il-parti li titlaq bis-sentiment li ngħatat ftehim xott, aktar tard titħajjar titlob xi forma ta’ kumpens. Ħarsu lejn it-trattat ta’ Versailles tal-1918, jew il-pożizzjoni Russa tul fi snin riċenti wara l-ismantellar tal-Unjoni Sovjetika fl-Ewropa.”
Dr Sant qal li jekk ikun hemm xi gvern ieħor tal-UE li jitħajjar joħroġ mill-UE, issa tgħallem li ma għandux jimxi mal-mudell Brittaniku, taħt il-proċeduri ta’ artiklu 50. Jista’ minflok pereżempju jagħmel l-aħjar li jista’ biex iqajjem rebus minn ġewwa l-UE biex ikun jista’ jimmanuvra u jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu waqt in-negozjati tal-ħruġ.