Tlestiet it-tieni fażi tal-Proġett tal-Junction tal-Marsa, hekk kif matul il-lejl li għadda tpoġġa l-aħħar livell ta’ asfalt fi Triq Aldo Moro direzzjoni lejn it-Tramuntana.
Matul din il-fażi, li bdiet fi Frar li għadda, tliet kilometri ta’ korsiji ġew miżjuda jew mibnija mill-ġdid, flimkien ma’ korsija ta’ 400 metru għaċ-ċiklisti. Dan wassal biex issa hemm sitt korsiji fid-direzzjoni lejn it-Trammuntana tal-pajjiż, u erba’ korsiji fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar ta’ Malta.
B’kollox tħaffru sitt kilometri ta’ trinek għas-servizzi sabiex ma jkun hemm l-ebda servizzi li jgħaddu min fuq l-art. F’din il-fażi intuża total ta’ 11,000 tunellata ta’ asfalt.
Fil-jiem li ġejjin se tibda it-tielet u l-aħħar fażi, bil-bini ta’ seba’ strutturi sabiex fl-iktar kuritur importanti tal-pajjiż, li minnu jgħaddu 8,000 karozza fis-siegħa, is-sistema tad-dwal tat-traffiku tiġi eleminata darba għal dejjem.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Ian Borg ħabbar li l-ewwel struttura li se tinbena se tkun dik li tgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Garibaldi.
Il-Ministru Borg irringrazzja lill-mijiet ta’ persuni involuti f’dan il-proġett, bejn periti, uffiċjali tekniċi, kif ukoll il-ħaddiema tal-kuntrattur, u stqarr li dan il-proġett huwa mudell tal-bidla fil-kultura u l-mentalità ta’ kif għandhom isiru proġetti ta’ dan il-livell.
Il-Proġett tal-Junction tal-Marsa invest qed isir grazzi għal investiment ta’ €70 miljun, u mistenni jitlesta’ sal-aħħar tal-2020.