Fil-Belt Valletta saru total ta’ 11-il proġett infrastrutturali bħala parti minn Valletta 2018. Ħabbar dan il-Ministru tal-Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici fil-Parlament.
Fost il-proġetti li saru, u li minnhom gawdew ir-residenti Beltin, huma uffiċini ġodda għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Pjazza Tritoni u r-restawr tal-funtana tat-Tritoni, il-ġnien Malti fil-Foss ta’ San Ġakbu, ir-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta, u l-Valletta Design Cluster fil-Biċċerija l-antika.
Dan apparti l-Proġett MUŻA fil-Berġa tal-Italja, ir-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti, ir-restawr ta’ Palazzo Ferreria, ir-restawr ta’ Palazzo Castellania, ir-restawr tal-Faċċata tas-Civil Service Sports Club, kif ukoll ir-riġenerazzjoni tas-Suq l-Antik.