Mara tinsab ittrawmatizzata wara li qalgħet daqqiet ta’ martell mill-ġara tagħha, meta din tal-aħħar jidher li ħarġet għaliha u għal binha, li għandu sitt snin.
Ikkuntattjata minn one.com.mt, Michelle Agius, li għandha 32 sena, qalet li hija sofriet dan kollu għaliex pruvat issalva lil binha milli jweġġa’ f’dan kollu.
Hekk kif binha rnexxielu jaħrab mill-periklu, Agius sofriet diversi daqqiet ta’ martell f’daharha u f’wiċċha mill-ġara tagħha stess.
Intant, Charlene Gatt, il-mara li attakkatha, tressqet il-Qorti aktar kmieni tul il-jum b’rabta ma’ dan il-każ. Gatt jidher li qed tgħix minn fuq li-benefiċċji ta’ diżimpjieg.
Lura f’Ottubru, Gatt spiċċat arrestata wara li kissret il-windscreen tal-karozza tal-ġara, u minn dakinhar, saru diversi rapporti kontriha minn diversi residenti fil-Qawra.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Charlene Gatt abbażi ta’ garanzija personali ta’ €10,000. Gatt kienet ordnata wkoll li ma tersaqx lejn il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, fejn ħebbet għal Michelle Agius, għaliex f’dak il-każ issofri konsegwenzi koroh.
Hija kienet ordnata wkoll li tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, u ma toħroġx mid-dar wara s-19:00.