L-għadd ta’ persuni infettati bl-HIV f’Malta żdied b’aktar minn 50% matul is-sena li għaddiet.
Dan joħroġ minn studju li ġie ppubblikat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard. Ir-rapport juri li fl-2017 aktar minn 25,000 ruħ kienu infettati bl-HIV fost il-pajjiżi Ewropej.
Ir-rapport juri ż-żieda fl-infezzjonjiet fost irġiel li jkollhom x’jaqsmu ma’ persuni tal-istess sess.
F’Malta dawn il-każijiet żdiedu minn 28 fl-2008 għal 45 matul is-sena li għaddiet. L-istatistika turi wkoll li n-numru ta’ rġiel infettati bl-HIV huwa ogħla minn dak tan-nisa.
Ir-rapport juri li l-iżgħar persuna li nstab li kienet infettati b’din l-marda f’Malta kellha bejn l-20 u l-25 sena. In-numru ta’ persuni infettati bejn l-età ta’ 25 u 29 sena huma erbgħa.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li kien hemm 13-il raġel u ħames nisa ta’ bejn it-30 u d-39 sena li ġew infettati bl-HIV u 11-il każ ġdid fil-kategorija ta’ bejn l-40 u 49 sena fosthom żewġ nisa u disat irġiel.
Fil-kategorija ta’ persuni li għandhom aktar minn 50 sena, ġew irrapportati għaxar każijiet ġodda.
Flimkien mal-Iżlanda, l-Andorra u Monaco, Malta ma kellha ebda każ ġdid ta’ AIDS matul l-2017.
Ir-rapport juri li wkoll li l-maġġoranza tan-nies infettati qed jintebħu bil-marda fi stadju bikri. Dan jixhed l-effiċjenza tat-testijiet li qed isirilhom apposta għal dan il-mard trasmess sesswalment.
Minkejja l-kura medika avvanzata li qed tingħata biex trażżan dan il-virus milli jiżviluppa fil-marda tal-AIDS, l-awtoritajiet tas-saħħa jħeġġu għal aktar prevenzjoni kontra l-marda f’attività sesswali, l-aktar jekk din tkun ma’ aktar minn persuna waħda.