Alexia Caruana Coppola ma nstabietx ħatja li tajret u darbet żewġ anzjani fi Triq in-Naxxar f’Birkirkara sitt snin ilu.
Il-każ seħħ fl-2012 waqt li x-xufiera tajret liż-żewġ nisa anzjani fi triqthom għal coffee morning.
L-anzjani huma Elizabeth Grech u Pauline Bruno, fejn ta’ l-ewwel sofriet ġrieħi gravi filwaqt li l-anzjana l-oħra ndarbet ħafif.
Fix-xhieda quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ħareġ li l-anzjani ma ħarsux lejn iż-żewġ naħħat qabel ma qasmu t-triq, u kien hawn li Coppola sabithom ma’ wiċċha.
L-anzjani qalu li ma qasmux minn fuq iż-zebra crossing għaliex din kienet ‘il bogħod minn fejn kienu huma.
Il-Pulizija Ronnie Attard li kien fuq il-post u ra l-inċident iseħħ quddiemu, xehed li Coppola ma kenitx qed issuq b’traskuraġni u veloċita qawwija. Tenna wkoll li dakinhar tal-inċident ix-xemx kienet qawwija.
Għall-imputata dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.