Dokumentarju ġdid qed jagħti ħarsa lejn il-ħajja marittima madwar Kemmuna.
Id-dokumentarju bl-isem Comino – A Secret Paradise, imtella’ mill-Malta Airport Foundation, jagħti ħarsa lejn bosta kreaturi marittimi li jgħixu fil-baħar madwar Kemmuna.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Ajruport ta’ Malta, Frederick Mifsud Bonnici, saħaq li parti sostanzjali tat-turisti li jżuru pajjiżna, jiġu propju sabiex jagħmlu spedizzjonijiet tal-għadds madwar pajjiżna. Dan id-dokumentarju jsegwi ieħor li sar fis-snin li għaddew dwar il-gżra ta’ Filfla
“Fost dawn it-turisti, waħda mill-areas li aħna identifikajna, huma d-diving holidays. In-numru ta’ nies li jiġu għal diving holidays dejjem qed jiżdied b’ċertu ammont. Qed nistennew din is-sena li jkun hemm iktar minn 110,000, u allura aħna għamilna parti mill-proġetti tagħna taħt il-baħar”.
Il-produttur eżekuttiv tad-dokumentarju, il-Professur Alan Deidun, saħaq li fin-narrattiva li kiteb, xtaq li l-ħajja marittima titwassal b’mod sempliċi u li jista’ jinftiehem minn kulħadd.
Dan sabiex filwaqt li bosta turisti jiġu f’pajjiżna biex japprezzaw is-sbuħija ta’ qiegħ il-baħar, din is-sbuħija titwassal ukoll lil Maltin. Filfatt sabiex jaraw dan id-dokumentarju għall-ewwel darba fiċ-ċinema kien hemm bosta studenti mill-iskola Santa Monica ta’ Birkirkara:
“Ħafna nies, sfortunatament Maltin, jafu biss il-Blue Lagoon minn Kemmuna, u forsi Santa Marija u t-Torri, imma hemm ħafna iktar wieħed x’juri, u Kemmuna, forsi l-iktar żgur li mit-tliet gżejjer Maltin prinċipali, hija l-iktar li m’hix kontaminata ovjvament minn mill-azzjoni tal-bniedem, u allura hija xi ħaġa li rridu naħdmu biex nippriservaw”.
Il-Ministru għall-Ambjent, José Herrera, saħaq li dan id-dokumentarju huwa mod tajjeb biex wara li dan is-sit marittimu sar protett issa tinġabar l-informazzjoni dwarha u l-organiżmi li jgħixu fiha.