Il-familji Maltin u Għawdxin għandhom ir-raba l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea u t-tieni l-orħos fiż-żona ewro, wara l-Litwanja. Fil-fatt, fl-ewwel nofs tal-2018, il-prezz tal-elettriku f’Malta għall-familji kien 60% inqas mill-medja tal-prezz li jħallsu l-familji fiż-żona ewro (€0.129 kWh f’Malta, €0.219 kWh fiż-żona ewro).
Dawn huma ċifri uffiċjali maħruġa mill-Eurostat li jikkonfermaw kemm naqas il-piż tal-kontijiet tal-elettriku mill-bidla fil-Gvern f’Marzu 2013.
Bejn l-2008 u l-2013, il-kontijiet tad-dawl kienu għolew bi 68% f’pajjiżna, meta madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 26%. Iġifieri l-Gvern preċedenti f’Malta kien għolla d-dawl bi kważi tlett darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Konsegwentament, fl-2013, l-elettriku kien jiswa €0.166 kull kilowatt hour (kWh). Dakinhar il-prezz f’pajjizna kien it-tlettax l-ogħla madwar il-pajjizi tal-Unjoni Ewropea.
B’kuntrast, l-istatistika turi li l-Gvern preżenti raħħas l-elettriku għall-familji b’medja ta’ 23%, meta fil-bqija tal-Ewropea d-dawl għola b’2.5% fl-aħħar ħames snin. B’dan ir-roħs, pajjiżna rebaħ disa postijiet fil-klassifika tal-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa.
Għalhekk, dawn iċ-ċifri juru l-bidla pożittiva li seħħet f’pajjiżna. Filwaqt li bejn l-2008 u l-2013 Malta kellha l-ogħla żieda fil-prezz tal-elettriku għall-familji fl-Unjoni Ewropea, bejn l-2013 u l-2018 Malta kellha t-tieni l-akbar tnaqqis fil-prezz tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea, wara Ċipru.
L-istatistika Ewropea turi wkoll li, fil-ħames snin qabel il-bidla fil-Gvern, il-prezz tal-enerġija għall-industrija f’Malta kien għola b’47%, meta fl-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 24%. Konsegwentament, fl-2013, il-prezz tal-elettriku għall-industrija kien 28% ogħla mill-prezz medju madwar l-Unjoni Ewropea.
B’kuntrast, fl-aħħar hames snin, il-prezz tal-elettriku għall-industrija f’Malta raħas b’medja ta’ 25%, filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea dan il-prezz naqas b’5% biss. B’dan ir-roħs, fl-2018 l-prezz f’Malta kien daqs il-medja fl-Unjoni Ewropea u inqas mill-medja fiż-żona ewro.
Id-differenza fil-politika tal-enerġija qed tħalli impatt qawwi fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Ir-roħs fil-prezz tal-elettriku huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tat-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna. Fl-istess ħin il-kumpaniji f’pajjiżna illum m’għadhomx ikollhom piż akbar minn kumpaniji Ewropej bil-prezz tal-enerġija.
Din l-amministrazzjoni hija kommessa li tkompli tagħmel differenza reali għall-familji u n-negozji biex ikomplu jgħixu s-suċċess.