Matul ix-xahar ta’ Novembru, is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu għaddejjin fuq missjoni. Mhux missjoni ta’ salvataġġ kif imdorrija narawhom f’ħidmiethom, imma missjoni sabiex iqajmu kuxjenza dwar Movember, kampanja internazzjonli li taf il-bidu tagħha fl-Awstralja, iżda fl-aħħar snin bdiet tingħata importanza f’Malta wkoll.
Matul ix-xahar ta’ Novembru, l-irġiel iħallu l-mustaċċi jikbru sabiex titqajjem aktar għarfien dwar is-saħħa tal-irġiel, fosthom il-kanċer tal-prostata u s-saħħa mentali tal-irġiel.
Is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta ħadu sehem f’din il-kampanja biex jiġu eżaminati wkoll kontra l-kanċer. Dan anki għax hemm membri fl-Armata li għaddew minn esperjenza qarsa li mmarkatilhom ħajjithom.
Il-Warrant Officer 2, Mario Abela, qal kif bħal daz-zmien sena huwa tilef lil missieru bil-marda kiefra tal-kanċer:
“Bħal dan iż-żmien sena, tlift lil missieri b’din il-marda. Nista’ nifhem l-importanza, għax wieħed għandu jagħmel testijiet, u dan huwa ġest sabiħ tal-AFM”.
Il-Forzi Armati ta’ Malta hija l-akbar forza tal-ordni f’pajjizna, li tiġbor fi ħdanha mal-1,800 suldat. Għaldaqstant, l-għan sabiex jipparteċipaw f’din il-kampanja kien li jitwassal il-messaġġ biex l-irġiel jieħdu ħsieb saħħithom u jagħmlu t-testijiet.
Il-Lance Bumbardier James Muxi, fisser għaliex ħass li għandu jipparteċipa f’din il-kampanja:
“Hija kampanja tajba li nipparteċipa, u ħassejt li biex inqajjem kuxjenza għandi nkabbar il-mustaċċi”
Apparti l-Kampanja Movember, fix-xahar ta’ Ottubru il-Forzi Armati ta’ Malta pparteċipat fil-kampanja Pink October, organizzata mill-Fondazzjoni Marigold.
Dan bil-għan li tiżdied aktar kuxjenza fost in-nisa, jegħlbu l-biża’ u jagħmlu t-testijiet neċessarji għax meta l-kanċer tas-sider jinqabad fl-ewwel stadji tiegħu, hemm possibilità ferm akbar li jitfejjaq.