Ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Marsa junction għadejjin b’ritmu mgħaġġel tant li t-tieni fażi kważi lesta wkoll.
Bħalissa l-aġenzija Infrastruttura Malta flimkien mal-kuntratturi li qed fuq it-tieni fażi tal-proġett qed jaħdmu fuq il-preparamenti sabiex jinbnew korsiji ġodda fejn qabel kien hemm iż-żona tal-fabbriki.
ONE News tkellem mal-perit ta’ Infrastruttura Malta Walter Portelli fejn spjega x-xogħlijiet li qed isiru bi tħejjija għat-tielet fażi tal-proġett.Dawn il-korsiji se jkunu qed jinfetħu ġaladarba jingħalqu l-korsiji biswit il-wesgħa t’art ta’ Bezzina fil-Marsa.
Għalhekk, x’ħin jitlestew dawn il-korsiji l-ġodda, t-traffiku lejn tan-naħa t’isfel ta’ Malta mistenni jibda jgħaddi minn l-art ta’ fejn kien hemm il-fabbriki.
Is-Sur Portelli spjega kif bħalissa qed jitwaħħlu numru ta’ barriers u dwal ġodda sabiex fil-ġimgħat li ġejjin tingħata l-aħħar kisja ta’ tarmak fil-korsiji li jieħduk lejn it-tramuntana ta’ Malta.
F’din il-fażi tal-proġett, Triq Aldo Moro żdiedulha numru ta’ korsiji ġodda filwaqt li reġgħet inbniet mill-ġdid sa mill-pedament.
Infrastruttura Malta rat li jintuża materjal li jiflaħ aktar għall-ilma tax-xita filwaqt li s-servizzi inbidlu kollha u jinsabu għadejjin minn passaġġi taħt it-triq.
It-tielet fażi tal-proġett, li se tkun qed tibda fil-ġimgħat li ġejjin, se tkun qed tinkludi fiha l-bini tas-seba’ flyovers li se jkunu qed jeliminaw it-traffic lights tal-Marsa u t-traffiku li jġibu magħhom darba għal dejjem.