Il-ħidma tal-Iskwadra ta’ kontra d-drogi waslet biex fl-ewwel disa ta’ xhur tas-sena tirdoppja l-ammont ta’ droga maqbuda mill-Pulizija meta mqabbel ma’ l-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Ċifri li kiseb ONE News juru li l-Pulizija qabdet aktar minn 897kg jiġifieri madwar 477kg iżjed mis-sena l-oħra. Din id-droga tvarja bejn kokaina, erojina kif ukoll raża u ħaxixa tal-kannabis.
Dawn il-qabdiet ma jgħoddux il-11 il-tunellata droga reżina tal-kannabis li qabdet id-Dwana f’Settembru. Apparti minn dawn il-kważi d-disa mitt kilo, il-Pulizija nterċetat kważi 150 pilola tal-ecstasy u aktar minn 100 ‘joint’ tal-kannabis flimkien ma’ tipi differenti ta’ droga.Tul dan il-perjodu aktar minn 560 ruħ tressqu l-qorti wara li nqabdu bid-droga f’aktar minn 150 rejd jew tfittxija li għamlet il-pulizija. Minnhom 481 ngħataw sentenza mill-qorti. Is-Supretendent Johann Joseph Fenech stazzjonat fl-Iskwadra ta’ kontra d-droga jispjega x’wasal għal dan is-suċċess u qabża kbira fil-qbid ta’ droga mill-Puliizja. Huwa qal li “dan hu dovut għall-effiċjenza tal-iskwadra ta’ kontra d-droga, aħna dejjem nippruvaw inkunu one step ahead. Inkunu nafu wieħed x’se jagħmel fejn se jkun, fejn se jaħdem u kif ser idaħħal id-droga hawn Malta. Allura aħna nkunu hemm one step ahead biex inkunu hemm qablu jew ħdejh mingħajr ma jkun jaf ħalli nagħmlu dawn il-qabdiet li kellna”
Is-Supretendent Fenech spjega li ġeneralment id-droga tgħaddi minn tal-anqas erba livelli fil-ġerarkija kriminali. Din is-sena ser tibqa’ mfakkra għall-fatt li l-Pulizija rnexxielha tarresta nies għolja f’din il-ġerarkija fosthom barranin li bnew kuntatti f’Malta biex idaħħlu d-droga l-aktar komuni minn Sqallija.
“Li nista ngħid li f’dawn l-aħħar qabdiet kellna ħafna barranin speċjalment li rnexxielna naqbduhom wara li daħlu ammont ta’ droga Malta kellna l-Master Minds arrestati f’dawn l-aħħar qabdiet” tenna s-Supretendent Fenech.
Huwa qal li kollox jindika li sal-aħħar tas-sena jinqabeż ir-rekord tas-sena l-oħra; “Fejn ikun hemm il-‘Peak’ tal-festi ovvjament ikun hemm ċertu talbiet għal ċertu droga u jkunu iżjed min-normali. Imma ovvjament ottimist li se jkollna qabdiet kbar oħra sal-aħħar tas-sena.”
Iżda b’din il-kwantità ta’ droga f’idejn il-Pulizija – x’jiġri minnha? “Din id-droga kollha tiġi maħruqa taħt il-kappa tal-inkjesta maġisterjali u ovvjament fil-preżenza tal-ispettur u l-espert tal-Qorti biex ikun żgurat li nħarqet kollha u ma jifdal xejn minha”
Is-Supretendent Fenech itemm jappella liż-żgħażagħ biex jaħsbuha sew qabel ma jmissu ma’ dan il-vizzju li jeqridhom. Filwaqt li nnotta kif miexi ġmielu x-xogħol sabiex tiġi illegalizzata d-droga sintetika kollha kemm hi li sfortuantament qed tgħolli rasha sew f’pajjiżna.