Il-Maltin iqattgħu 90% ta’ ħajjithom f’saħħa tajba, riżultat li jpoġġi lil Malta fil-quċċata u ‘l fuq minn kull membru stat fl-Unjoni Ewropea. Dan skont rapport tal-Unjoni Ewropea li jħares lejn l-istat tas-saħħa fil-pajjiżi membri.
Skont dan ir-rapport, l-età medja ta’ kemm wieħed jgħix kienet ta’ kważi 82 sena fl-2015 bil-medja fl-2000 kienet ta’ kważi 79 sena. Filfatt, f’dan ir-rapport ħareġ kif l-irġiel Maltin u Għawdxin jgħixu f’saħħa tajba b’medja ta’ kważi 73 sena filwaqt li n-nisa jgħixu f’saħħa tajba ftit aktar mill-irġiel, bil-medja tkun ta’ kważi 75 sena.
Iż-żieda fl-istennija ta’ kemm wieħed jgħix kienet primarjament minħabba t-tnaqqis fl-imwiet qabel iż-żmien minn mard relatat mal-qalb, anke jekk xorta waħda l-mard relatat mal-qalb baqgħu l-kawża ewlenija tal-imwiet kemm fl-irġiel kif ukoll fin-nisa Maltin u Għawdxin.
Madwar 70% tal-Maltin rrapportaw kif jinsabu f’saħħa tajba. Ir-rapport spjega kif it-tieni kawża ewlenija tal-imwiet f’Malta hu l-kanċer, segwit minn problemi respiratorji u mard fis-sistema tan-nervituri.
Għalkemm f’bosta fatturi fis-saħħa Malta tinsab minn ta’ quddiem, il-poplu Malti baqa’ l-aktar li jbati mill-obeżità, b’terz mill-popolazzjoni Maltija u 30% taż-żgħażagħ taħt il-15-il sena għandhom piż żejjed jew huma obeżi.
Fir-rigward tat-tipjip u l-konsum tal-alkoħol, persuna waħda minn kull ħamsa jpejpu kuljum filwaqt li l-medja tal-konsum tal-alkoħol kien ta’ kważi disa’ litri fis-sena, fejn għalkemm Malta baqgħet taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea, kien hemm żieda fil-konsum tal-alkoħol mill-2000.
Ir-rapport spjega wkoll kif Malta kienet fost il-pajjiż bl-anqas rata ta’ suwiċidji rrapportati, flimkien mal-Greċja, Ċipru l-Italja u Spanja.
In-nefqa tal-pajjiż fuq is-settur tas-saħħa żdied b’mod sostanzjali meta mqabbel mas-sena 2005. Ir-rapport juri kif fis-sena 2015, Malta kellha nefqa ta’ €2,255 fuq kull persna bil-medja Ewropea kienet ta’ €2,797. Dan sar permezz tar-riformi ekonomoċi li saħħew il-qagħda finanzjarja tal-Gvern fejn b’hekk setgħu jiġu allokati aktar fondi fuq is-settur tas-saħħa.
L-istess rapport wera kif f’Malta kien hemm żieda fin-numru ta’ infermiera fejn dan kien possibbli permezz ta’ numru ta’ miżuri li ħa l-Gvern sabiex iħarreġ aktar infermiera.
Minkejja li faħħar bosta miżuri u titjib fir-riżultati fil-qasam tas-saħħa f’Malta, ir-rapport ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jintroduċu reġistru elettroniku b’informazzjoni fuq il-pazjenti u kif ukoll biex isaħħu l-kura primarja.