Meta persuna ġġib kelb, l-aktar ħaġa importanti lil hinn mill-imħabba u l-kura li għandu jieħu l-kelb hi li jiġi ċċippjat. Dan hekk kif filwaqt li hi bil-liġi, hi aktar faċli biex jekk xi darba jintiliflek jiġi identifikat bl-awtoritajiet isiru jafu ta’ min hu mill-ewwel. Apparti minn hekk, hu ideali wkoll li wieħed jixtri kullar għall-kelb b’tag mdendla miegħu bid-dettalji bħal isem il-kelb u n-numru tal-mowbajl tas-sid fuqha. F’każ li l-kelb jintilef, is-sid l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel hu li jagħmel rapport l-ewwel mal-Pulizija, dejjem jekk l-istess kelb hu ċċippjat u rreġistrat skond il-liġi, u kif ukoll għandu jinforma r-reġistru tal-iċċippjar.
In-notifika għandha ssir mal-Uffiċċju tal-Microchipping fid-Direttorat tar-Regolazzjonijiet tal-Veterinarji fuq 22925301 jew permezz ta’ imejl fuq vafd.msdec@gov.mt, f’temp ta’ 48 siegħa.
Minn hemm jiġu infurmati s-santwarji kollha, il-veterinarji u kif ukoll id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.
Jekk il-kelb tiegħek ma jkunx iċċippjat skond il-liġi, xorta waħda għandek tagħmel rapport mal-Pulizija, iżda trid tkun int li tinforma s-santwarji kollha, il-veterinarji u kif ukoll id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.