Għall-ewwel darba, l-MI5 fl-Ingilterra ammetta n-nuqqasijiet tiegħu fil-każ tal-attakk terroristiku f’Manchester f’Novembru tal-2017.
Dan ħareġ fil-Parlament Ingliż waqt li kien qed jiġi diskuss rapport tal-Kumitat tal-Intelliġenża u s-Sigurtà. Hawn, l-MI5, li wettaq l-investigazzjoni, ammetta li naqas milli jagħraf kemm kien perikoluż Salman Abedi ta’ 22 sena, li wettaq l-attakk imedemmi wara kunċert tal-kantanta Amerikana Ariana Grande.
Jidher li s-serivzzi tas-sigurtà kellhom raġunijiet validi għaliex iżommu għajnejhom fuq Abedi hekk kif dan irritorna l-Ingilterra mill-Libja jiem biss qabel l-attakk li ħalla 22 persuna mejta.
Il-kumitat qal ukoll li l-Gvern Ingliż naqas milli jieħu tagħlima wara l-oħra minkejja l-attakki li sofra r-Renju Unit fl-aħħar 13-il sena.
Hu mifhum li Abedi tgħallem kif jaħdem il-bombi sakemm kien għadu l-Libja. Dakinhar tal-attakk, ippożizzjona ruħu f’naħa waħda ta’ Manchester Arena, u sploda lilu nnifsu.
Rapport li kien diskuss qabel dan kien żvela li l-MI5 kellu l-ħsieb jiltaqa’ u jiddiskutu r-riskji li ġab miegħu Abedi, iżda din il-laqgħa jidher li kienet skedata għal wara l-jum tal-attakk.