Kompliet il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera bl-aġenzija tal-propjetà, Engel & Volkers tilqa’ l-proposti fil-white paper.
F’laqgħa mas-Segretarju Parlamentari Rodrick Galdes fl-uffiċini tagħhom fl-Imrieħel, id-direttur maniġerjali tal-kumpanija Benjamin Tabone Grech, fisser il-white paper bħala waħda pożittiva mhux biss għax tintroduċi iżjed regolarizzazzjoni fis-settur iżda wkoll għax toffri statistika li s’issa għadha mhux magħrufa.
“Il-white paper għalina hija ħaġa pożittiva ħafna, ħa nsolvu l-abbuż naħseb, per eżempju tat-tenants li jkollhom daqsxejn problema li jtawwlu l-kuntratt tagħhom. Ħa nkunu f’pożizzjoni biex ikollna iktar dettall bħala statistika fuq is-settur, jiġifieri kemm hemm propjetajiet bħalissa li huma mikri”.
Is-Sur Tabone Grech qal li l-white paper tittratta wkoll l-problema dwar ir-reġistrazzjoni tal-kontijiett tad-dawl u l-ilma.
Spjega li fil-preżent sid b’aktar minn proprjetà għall-kiri jinqatagħlu l-elettriku f’każ li wieħed mill-inkwilini ma jħallasx il-kont.
Is-Segretarju Parlamentari, Roderick Galdes saħaq li l-aġenti qed jilqgħu l-white paper b’mod pożittiv hekk kif huwa fl-interess tagħhom li s-settur ikun regolarizzat:
“Naħseb li ħafna mill-aġenti li ltqajna magħhom fl-interess tagħhom ukoll li jaraw li s-settur ikun organizzat. Jiġifieri jkun hemm trasparenza fil-mod kif isiru t-transactions fuq il-propjetà u anke fuq ir-rental imma fl-istess ħin ikun hemm il-bżonn ta’ intermedjazzjoni fuq affarijiet li jkunu affarijiet żgħar bejn l-inkwilin u s-sid imma li l-awtorità għad-djar se tieħu l-inkarigu li ssolvi u tgħin u tiffaċilità dan il-proċess importanti ħafna”.