Wasal iż-żmien li l-aġenti tal-proprjetá kollha jsegwu standards professjonali u b’hekk ukoll ikunu pijunieri tal-bidla għal suq tal-kera aktar b’saħħtu.
Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara li għamel fl-uffiċini ta’ Engel & Voelkers Sara Grech fl-Imrieħel, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li tnieda mal-pubblikazzjoni tal-white paper fuq is-suq tal-kera.
Hu qal li l-aġenti tal-proprjetá huma fil-qofol tas-suq tal-kera għax iservu ta’ intermedjarji bejn sid il-kera u min jikri.
“Ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja u r-relazzjoni bejn is-sidien u l-inkwilin, għaldaqstant ir-rwol tal-aġent infurmat u professjonali jsir aktar importanti”, saħaq Roderick Galdes.
Is-Segretarju Parlamentari ddeskriva l-uffiċċji ta’ Sara Grech bħala storja ta’ suċċess fejn jidħlu aġenti lokali, għaliex jifhmu r-responsabbiltá li għandhom lejn l-investiment tas-sidien iżda wkoll lejn min minn dik il-proprjetá jixtieq jagħmel dar.
Madankollu, hawn numru żgħir ta’ aġenti li jħarsu biss lejn interessi short-term u li qed jikkapitalizzaw mill-instabilitá. Għal dan il-għan, il-white paper tipproponi li tistabbilixxi standards professjonali għolja għall-aġenti, kif hemm f’pajjiżi oħra tal-Ewropa.
Roderick Galdes enfasizza li l-white paper mhux se timponi qafas aljen, iżda trid biss li l-aqwa prattiċi jsiru l-ordni tal-ġurnata. Dan isir għall-benefiċċju kemm tas-sidien kif ukoll tal-familji li qed jikru.
Min-naħa tagħhom, il-Kap Eżekuttiv Sara Grech u d-Direttur Maniġerjali Benjamin Tabone Grech taw is-sostenn tagħhom lill-proposti tal-white paper wara l-kummenti pożittivi li rċevew. Qalu li l-white paper hu pass pożittiv ħafna biex is-settur tal-proprjetá jsir aktar professjonali. Huma qalu li bħala kumpanija dejjem taw importanza lill-professjonalitá u saħqu li l-industrija kollha tista timxi aktar ‘il quddiem jekk jiġu stabbiliti dawn l-istandards ta’ best practices.