Riżorsi ġodda se jkunu qed jintużaw fl-iskejjel primarji biex jgħallmu lit-tfal kif ikunu siguri waqt li jużaw l-internet.
Programm ġdid bl-isem ta’ Safety Snakes se tuża l-logħba popolari snakes and ladders, sabiex tgħallem lit-tfal il-perikli tad-dinja virtwali.
Kull kaxxa għandha abbinata magħha xenarji differenti online. Xenarji ħżiena marbuta mal-internet jitpoġġew f’ħalq is-serp waqt li xenarji tajbin jitpoġġew fejn is-sellum. Dan jgħallem lit-tfal jabbinaw l-effetti ħżiena tal-internet m’effetti negattivi li huma jkollhom jekk jiġu fuqhom waqt il-logħba.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li b’dan il-mod it-tfal jifhmu aħjar il-perikli tal-internet.
“Hawnhekk qiegħdin naraw allura etajiet żgħar, sa minn etajiet żgħar li nibdew ngħallmuhom anke l-perikli li jġib miegħu l-internet, dak li ngħidulu aħna wkoll, kif inti tipproteġi ruħek, cybersecurity, permezz ta’ xi ħaġa li jifmuha. U t-tfal x’jifhmu iktar milli l-logħob. U allura permezz tal-logħba qiegħdin naraw li b’mod interattiv u anke jitkellmu bejniethom, nistgħu naraw attivitá li grazzi għal din il-logħba jifhmu u jitgħalmu r-riskji li jista’ jkun”.
It-tfal tal-iskola primarja tas-Siġġiewi kienu l-ewwel li lagħbu din il-logħba u wara ftit minuti kienu ġa bdew jitgħallmu wħud mill-iktar perikli importanti li jridu jżommu f’moħħhom meta jużaw l-internet.
Il-logħob se jkunu jistgħu jintlagħbu mit-tfal tal-primarja fuq tapiti diġitali apposta.
L-Aġenzija MITA permezz tal-istrateġija Nazzjonali għas-sigurtà elettronika qed tipprovdi l fuq minn tlett mitt tapit diġitali li se jintużaw mill-istudenti fi skejjel primarji kollha inkluż dawk privati u tal-knisja.