Sitt xhur wara li kien vittma ta’ splużjoni f’karozza Wied il-Għajn se jkun qed isir is-Sibt li ġej il-funeral ta’ Martin Cachia.
Il-funeral ta’ Cachia se jsir il-Ħamrun, fil-Knisja ta’ San Gejtanu.
Fl-istess ħin l-investigazzjoni tal-pulizija għadha għaddejja. Anke jekk din mhix meqjusa bħala investigazzjoni faċli, bil-pulizija timxi fuq għadd ta’ teoriji differenti.
Kien hemm mumenti fejn kien hemm il-ħsieb li Cachia seta’ kien qed iġorr il-bomba, però iktar ma ssoktat l-investigazzjoni bdiet tidher iktar reali t-teżi li dan kien delitt premeditat. Jirriżulta li dan il-każ huwa wkoll wieħed ta’ uġigħ ta’ ras għall-esperti forensiċi anke minħabba l-kwantità kbira ta’ ilma li ntefa’ fuq il-karozza.
Il-fdalijiet tal-vittma ta’ 56 sena kienu rilaxxati mill-Maġistrat inkwirenti Aaron Bugeja fl-aħħar jiem.