“Kien bniedem ta’ entużjażmu kbir għall-politika u entużjast għall-professjoni medika li kien qed jistudja għaliha”. Dan kien kliem l-eks ministru Laburista Joe Micallef Stafrace ftit tal-minuti wara li tħabbret il-mewt tal-eks Ministru għas-Saħħa Ċensu Moran.
Dr Micallef Stafrace jirrakkonta li ħadem mill-qrib ħafna tat-Tabib Ċensu Moran bir-relazzjoni ta’ ħbiberija tagħhom tmur lura għall-bankijiet tal-Università:
“Malli smajt dwar il-mewt tiegħu ftit tal-minuti ilu tassew ħassejt demmi jiksaħ, għax Ċensu Moran u jien konna fl-istess żmien kors flimkien, hu mediċina u jiena liġi. Konna ħbieb ħafna”.
Waqt li stqarr li jġib quddiem għajnejh bosta politiċi oħrajn li ħadmu fil-Gvern tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff, jinnota li għal Dr Moran il-pazjent kien jiġi l-ewwel:
“Ċensu Moran kien bniedem iħobb lill-pazjent, il-pazjent jiġi l-ewwel, it-tieni, u t-tielet, iżjed, u xi idea ta’ xi flus, jiġu bla ma tiġri warajhom, u bla ma tqis lilhom bħala l-ewwel ħaġa f’ħajtek”.
Qal li Ċensu Moran kont issibu dejjem hemm għall-pazjent, lejl u nhar, u kien jispiċċa ħabib ta’ kull familja:
“Jien qatt ma smajt lil ħadd jgħid l-iċken kelma kontra Moran f’eżerċizzju tal-professjoni tiegħu”.
Dwar il-ħidma politika tat-Tabib Moran, Dr Micallef Stafrace jgħid li għamel ġid kbir u bena l-pedamenti tas-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna fosthom il-ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa jew il-polyclinic,s li jafu lilu bħalma hi l-kura tal-pazjenti Maltin lil hinn minn xtutna:
“Ċensu Moran uża l-politika għall-ġid tal-proxxmu. Qatt ma kellu ambizzjonijiet oħra, li ll-professjoni tiegħu bħala tabib eżerċenti iżda uża wkoll bħala Ministru għas-Saħħa. Kien jagħmlu b’entużjażmu kbir”.
Waqt li rrakkonta l-falliment ta’ min kien ipprova jdaħħlu f’nassa anke f’eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, isemmi l-ispalla kbira li kellu mingħand martu Maggie:
“Kellu għajnuna kbira minn martu Maggi, li tilifha meta ma kinitx kbira fl-età. Baqa’ jħoss il-mewt tagħha, u baqa’ jsemmiha sal-aħħar”.
Intant, il-Partit Laburista qal l-mewt tat-Tabib Moran hija telfa għall-Malta u għall-Partit Laburista. Fakkar li kien wieħed mill-politiċi Laburista li għexu ż-żmien iebes tad-dnub il-mejjet. Huwa se jingħata l-aħħar tislima l-Ħamis li ġej fl-10:00, fil-knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.