Fil-ġimgħat li ġejjin mas-6,000 persuna fosthom eks membri tal-korpi jew werrieta tagħhom se jirċievu bejniethom €12-il miljun biex jagħmlu tajjeb għall-inġustizzji tal-imgħoddi.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega kif minkejja li l-Gvern ma kellu l-ebda obbligu legali, din il-ġimgħa bdew jintbagħtu ċ-ċekkijiet:
“Il-figura għas-sena d-dieħla hija ta’ madwar €12-il miljun bejn wieħed u ieħor, dik qed tkun kull sena. Biex tagħti kuraġġ lil dak li jkun, l-ewwel nett inħabbru li c-cheques ta’ din is-sena se jitqassmu issa fil-ġimgħat li ġejjin”.
Il-ħaddiema tal-korpi eleġibbli jlaħħqu t-3,000 persuna, b’655 eks-ħaddiem tax-xatt u 2,500 mitt pulizija li baqgħu qatt ma tħallsu tas-sahra li għamlu.
Barra min hekk, tħabbar li fil-Baġit għas-sena d-dieħla se jsiru iżjed ħlasijiet, fakkar il-Ministru Scicluna:
“Għas-sena d-dieħla l-baġit ħaseb line item għalihom u allura se jirċievu ċ-ċekk is-sena li ġejja wkoll. Però moħħhom mistrieħ li jibqgħu sakemm dak il-commitment morali li għandu dan il-gvern magħhom, iżommu”.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li grupp ieħor ta’ persuni jew werrieta tagħhom li din is-sena bbenefikaw huma l-eks-ħaddiema tal-Malta Electricity Board:
“Il-gvern mar oltre mill-preskrizzjoni u mar oltre mill-obbligu legali, imma mar ukoll għal obbligu li ħass li huwa morali, u dawn in-nies se jingħataw kumpens. Din il-kategorija ta’ ħaddiema se jingħataw pagament is-sena d-dieħla jekk Alla jrid u imbgħad il-każ tagħhom ikun magħluq”.
Il-Ministru Falzon saħaq kif dan kien proċess li kien jirrikjedi ħafna xogħol minn numru kbir ta’ impjegati f’erba’ ministeri differenti kif ukoll fit-Taqsima tal-Pensjonijiet tat-Teżor.