Il-Medical Cannabis World Forum jintegra b’mod effettiv il-leġiżlazzjoni, l-investiment, il-finanzi, ir-regolamentazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni, hekk kif jirrelataw mal-kannabis għal użu mediċinali.
Fid-diskors tal-ftuħ, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li din l-opportunità għal skambju ta’ tagħrif u networking ta’ livell għoli waslet Malta f’ħin l-aktar xieraq.
Fakkar kif il-miżuri leġiżlattivi ġew implimentati u ġie stabbilit qafas li jippermetti r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet, jiffaċilita l-investigazzjonijiet, u jippermetti l-progress, biex jagħti riżultati awtentiċi lill-pazjenti tagħna.
L-Awtorità dwar il-Mediċini għandha rikonoxximent internazzjonali għax-xogħol tagħha, iffukat fuq il-pazjent, fl-assessjar tal-mediċini, spezzjonijiet, farmakoviġilanza u kontribuzzjonijiet xjentifiċi oħra.
Ir-regolamentazzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali u ta’ riċerka f’Malta ssegwi rotta, komparabbli ma’ dik implimentata għall-industrija farmaċewtika u mediċini kkontrollati flimkien mas-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, b’enfasi partikolari fuq il-kwalità u l-good manufacturing practice.
L-Awtorità dwar il-Mediċini investiet fit-tisħiħ tal-kompetenza, ingaġġat esperti pertinenti u stabbiliet il-mezzi biex tevalwa s-sottomissjonijiet għall-introduzzjoni ta’ preparazzjonijiet mediċinali tal-kannabis f’Malta.
Il-kollaborazzjoni b’saħħitha li l-Awtorità għandha mal-Malta Enterprise u l-Università ta’ Malta tista’ tiġi estiża għal organizzazzjonijiet stabbiliti li għandhom l-intenzjoni li jagħmlu Malta ċ-ċentru Ewropew tagħhom u li għalihom ir-riċerka avvanzata hija prijorità.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista għalaq l-indirizz tal-ftuħ tiegħu b’nota ta’ antiċipazzjoni għall-preżentazzjonijiet konsekuttivi. B’mod partikolari irrefera għas-sessjoni kkurata mill-Awtorità dwar il-Mediċini fejn akkademiċi u rappreżentanti minn enititajiet regolatorji jaqsmu l-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom dwar il-kannabis mediċinali mal-parteċipanti tal-konferenza.