“Iz-zijiet tilfu kollox. Dak kollu li qatt ħadmu għalih kien jinsab f’dik id-dar. Dar li fiha qattajt parti kbira minn tfulita u li issa għad fadal biss memorji. Din it-traġedja ħakemt il-ħajja tal-għażiża kelba taz-zijiet, Rica.”
Hekk kitbet neputija tal-koppja li kienu jgħixu fir-residenza li jumejn ilu nħakmet minn nirien kbar f’Ħal Luqa. Nirien li damu aktar minn 18-il siegħa biex jiġu kkontrollati permezz ta’ ħidma sfieqa mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili – operazzjoni li ġiet deskritta mill-qraba tal-koppja bħala waħda li “donna ma riedet tispiċċa qatt.”
In-neputija fil-messaġġ tagħha spjegat kif baqgħu sal-aħħar jittamaw li jaraw lill-kelba Rica ħierġa min-nirien, iżda din baqgħet ma tfaċċatx. Spjegat kif minn jum li fih kienet qed tgħodd il-minuti biex tmur tagħti sorpriża lil ommha għal għeluq sninha, spiċċa f’jum ta’ saram. Fil-messaġġ tagħha hi rringrazzjat lill-pulizija kollha, lill-infermiera u t-tobba, lill-pumpiera u dawk kollha li b’xi mod kienu hemm f’dawn il-mumenti tant diffiċli għall-familja tagħha u appellat biex f’dawn il-jiem difiċli, kif titlesta’ l-inkjesta, jekk xi ħadd jixtieq jgħin lll-familja tagħha, ma jiddejjaqx javviċinahom.
Hi temmet il-messaġġ tagħha b’appell lill-midja biex ikunu kawti u mhux sforz il-kilba għall-istorja, spiċċat ixxandret informazzjoni skorretta u kif ukoll ritratti mhux mixtieqa mill-familja.