Il-Parroċċa ta’ Bormla qed tiftaħ is-sena anniversarja li tfakkar il-75 Anniversarju mill-Pellegrinaġġ bil-Vara u l-Kwadru Titulari ta’ Marija Immakulata minn Birkirkara għal Bormla. Dan il-Pellegrinaġġ Nazzjonali oriġinarjament kien sar bħala ringrazzjament lil ’l Alla għax il-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata kienet baqgħet wieqfa minkejja l-attakki tal-għadu mill-ajru fl-inħawi matul it-Tieni Gwerra Dinjija ta’ bejn l-1939 u l-1945, speċjalment minħabba li tinsab viċin ħafna tat-Tarzna ta’ Malta.
B’riżultat ta’ dawn l-attakki ħarxa, Bormla tfarrket kollha minbarra xi ftit djar ’l hawn u ’l hemm. Is-sura tagħha kienet tbikkik. Jgħidu li madwar il-parroċċa biss xeħtu mhux inqas minn mitejn bomba. Waħda minn dawn il-bombi ħabtet mal-gwarniċ tal-kampnar tal-qanpiena l-kbira, ġarrfet għal kollox il-bini ta’ quddiem, mingħajr ma messet il-knisja. Fost dik il-ħerba kollha l-knisja parrokkjali baqgħet wieqfa, forsi b’miraklu tal-Verġni Marija.
Għalhekk, fi tmiem il-gwerra, il-Kapitlu kien iddeċieda li jagħmel pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla bil-kwadru u l-istatwa tal-Kunċizzjoni, b’radd il-ħajr għax it-tempju – santwarju ġie salvat mill-qerda tal-gwerra. Dan il-pellegrinaġġ sar nhar id-19 ta’ Novembru, 1944, u għadda mill-Ħamrun, il-Marsa u Raħal Ġdid. It-toroq kollha kienu litteralment fgati bin-nies.
Tul il-Pellegrinaġġ ħadu sehem minn tal-anqas 16-il banda, u kien hemm rappreżentanza xierqa tal-għaqdiet reliġjużi, soċjali u politiċi ta’ Malta. Dakinhar, tassew li Malta pubblikament u solennement tat xhieda ta’ qima u devozzjoni lejn Marija Immakulata.
Il-Kumitat 75 Sena mill-Pellegrinaġġ illum qed jagħti bidu għall-programm li jimmarka il-75 Anniversarju minn dan il-Pellegrinaġġ Nazzjonali. Billi f’dan il-Jum, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla jiċċelebra wkoll ‘Jum Bormla’, ttieħed ħsieb biex issir ħidma kollettiva id f’id biex xejn ma jitnaqqas minn dak li jsir is-soltu.
Il-programm uffiċjali jibda fil-17.30 llejla bi tqegħid ta’ kuruni fuq il-Monument tal-Pellegrinaġġ u l-Vittmi tal-Gwerra.
Wara, għal ħabta tas-18:00 se ssir Quddiesa Konċelebrata mill-Kapitlu ta’ Bormla li għaliha huma mistiedna s-Sindku u l-Kunsillieri flimkien mal-Għaqdiet Bormliżi. Fi tmiem il-quddiesa tingħad it-talba tal-okkażjoni li nkitbet din is-sena mill-Kan. Emmanuel Schembri u jindaqq l-Innu l-ġdid ‘Taħt Ħarstek Nistkennu’ fuq kliem tas-Sinjura Miriam Camilleri u mużika tas-Surmast Bormliż, Mro Ray Sciberras. Il-Quddiesa tkun animata mill-Kor Bormliż ‘Tota Pulchra’ li jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Walter Tonna u Mro Michael Camilleri.
Isegwi mbagħad fis-6.45p.m. programm fl-Oratorju tal-Kurċifiss li fih tieħu sehem il-Banda San Ġorġ ta’ Bormla li tkun taħt it-tmexxija tas-Surmast Etienne Spiteri.
Waqt din iċ-ċerimonja se jingħata ‘Ġieħ Bormla’ u apprezzamenti oħra.