“Kull meta tidħol f’karozza, ftakar li għandek responsabbiltá kbira.”
Din hija l-karba ta’ Lucienne Licari, omm Tara Malou Licari, it-tfajla li f’Lulju ta’ sentejn ilu ħasdet lil Malta bil-mewt traġika tagħha.
Tara Malou kienet tgħix id-Danimarka, u ġiet Malta għal btala biex iżżur lil qrabatha.
Il-karozza li kienet fiha fl-aħħar vjaġġ ta’ ħajjitha kienet qed tinstaq minn ħuha ta’ tlieta u għoxrin sena.
Omm Tara saħqet li l-mewt traġika tal-iżgħar tifla fil-familja bidlet il-ħajja tagħha u ta’ qrabatha mil-lejl għan-nhar.
Spjegat kif “L-ewwel reazzjoni dejjem tkun ta’ xokk u ma tkunx trid temmen. Iż-żmien irid jieħu, trid tieħu ż-żmien biex tassimila dak li ġara, aħna bħala familja it-tifla kienet iż-żgħira u kienet qisu l-glue li tgħaqqadna kollha flimkien allura għal ftit żmien konna naqra mitlufin.” Madankollu, huma ddeċidew li kif kienet tgħaqqadhom matul ħajjitha, tagħmel l-istess wara mewtha, u ingħaqdu flimkien biex waqqfu Fondazzjoni li qed taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar il-perikli fit-toroq.
L-istorja ta’ Tara Malou u oħrajn li ħajjithom insterqu fit-toroq maltin kienu mfakkra waqt ċelebrazzjoni f’Tigne Point, hekk kif Malta ngħaqdet ma’ bosta pajjiżi li fit-tielet Ħadd ta’ Novembru jfakkru l-vittmi fit-toroq.
Tkellimna mal-konsulent tas-saħħa pubblika Dr.Karen Vincenti.
Dr. Vincenti qalet li “Hawnhekk inġabru numru ta’ NGOs flimkien mal-għaqda dinjija tas-saħħa u l-ministeru għas-saħħa, l-health promotion department speċjalment. Għandna Doctors for Road Safety, il-Malta Medical Student’s Association, l-aġenzija żgħażagħ u numru ta’ NGOs anke li ġew minn barra speċifikament għal dawn l-events.”
Preżenti kien hemm bosta qraba ta’ vittmi li tilfu ħajjithom f’inċidenti stradali, u għalkemm fuq wiċċhom spikkat id-dieqa li ġġib magħha l-mewt, kienu determinati li jwasslu messsaġġ wieħed.
Hi spjegat kif “Jekk aħna nistgħu naħdmu maż-żgħażagħ biex jindunaw li r-risponsabilitá tibda magħhom, mad-deċiżjonijiet li jieħdu malli jidħlu fil-karozza, kull deċiżjoni li jieħdu tista’ tagħmel differenza bejn ħajja u mewt mhux tagħhom biss imma tal-familji li jiġu affetwati. (White) Għallinqas ngħidu li Tara, li Matthew li Brian, Joanne ma tilfux ħajjithom għal xejn, għallinqas nagħmlu differenza forsi ħaddieħor ma jitlifx ħajtu u ma jkunx hemm dak l-uġiegħ.”