Kważi sena mill-ftuħ tad-Diabetic Foot Ward fl-Isptar Mater Dei, sal-aħħar t’Ottubru, il-professjonisti f’din is-sala raw u kkuraw xejn inqas minn erba’ mija u disgħa u tmenin pazjent – li qattgħu medja ta’ għaxart ijiem rikoverati fiha.
Pazjent li jidħol f’din is-sala jiġi eżaminat minn speċjalisti f’oqsma diversi li jagħtuh informazzjoni, gwida u għajnuna ta’ kif għandu jieħu ħsieb saqajh.
Ħafna minn dawn il-pazjenti jiġu bżonn amputazzjonijiet minuri, hekk kif dawk maġġuri naqsu drastikament matul is-snin.
Iżda l-appell dejjem jibqa’ biex dak li jkun jippreveni dan milli jseħħ għaliex kif jgħid il-Malti “bniedem avżat nofsu armat” u għalhekk din is-sala hija impenjata li twassal messaġġi ta’ edukazzjoni u għarfien lill-pubbliku.Il-Konsulent David Coppini tkellem dwar in-neuropathy – kundizzjoni li hija komuni fost pazjenti bid-dijabete, meta dawn jitilfu s-sens tal-ħass.
Coppini spjega li “Per eżempju tirfes xi pin lanqas tinduna u dik imbagħad iġġib il-ferita li tista’ tiġi infettata u jinqalgħu problemi kbar.”
Il-podjatra Omar Schembri appella biex dawk kollha bid-dijabete jirrikorru għas-servizzi ta’ podjatrija fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew għand it-tabib tagħhom mill-inqas darba fis-sena.
Dan biex wieħed jilqa’ għall-effetti tad-dijabete qabel ma jkun tard wisq.
Qal li “Minħabba n-neuropathy ma jkunux qed iħossu allura once li tiftaħ il-ferita jibdew ġejjin il-kumplikazzjonijiet allura aħna qegħdin hemm barra fil-Primary Health f’kull Ċentru tas-Saħħa biex kemm jista’ jkun nipprevjenu li pazjent jasal l-isptar.”
F’Malta huwa stmat li l-persuni dijabetiċi jamontaw għal erbgħin elf. Numru li mistenni saħansitra jiżdied, l-aktar minħabba l-problema tal-obeżità, u għax in-nies qed jgħixu iżjed fit-tul.
Spjega li “L-iktar ħaġa importanti hija li l-pazjent ikun jaf li qed isofri minn neuropathy għax kultant peress li meta ma tħossx, ma tkunx taf, jinqalgħu l-kumplikazzjonijiet jiġifieri meta l-pazjent ikun jaf li għandu problema, ikun jista’ jipprevjeni dawn il-complications.”