Adrian Delia, illum b’ton nervuż, iġġustifika li mhux ser jitlob inkjesta fuqu fuq allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-kriminalita’ għax qal li jekk irid il-Kummisarju tal-Pulizija, jista’ jiġi jsaqsih fil-każin f’Ta’ Sliema. B’dan il-kejl , Il-Prim Ministru Joseph Muscat la kellu ghalxiex jordna inkjesta fuqu u fuq il-familja tiegħu fuq il-gidba Egrant u l-anqas kellu għalfejn isejjaħ elezzjoni ġenerali. Adrian Delia gideb l-akkużi serji li kienu saru minn Daphne Caruana Galizia f’Awwissu 2017. Jekk verament Adrian Delia jrid ikun kredibbli, għandu jieħu l-eżempju tal-Prim Ministru, u jordna inkjesta bla aktar dewmien fuqu nnifsu. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista. Il-PL spjega kif minħabba li ma jridx jagħmel dan , tilef kull awtorita’fuq il-membri parlamentari tieghu, inkluż fuq David Casa li whistleblower fuqu għamel akkużi serji fuq abbuż u frodi ta’ flus Ewropej. Mhux talli ma sarux investigazzjonijiet fuq David Casa, talli llum il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista qal li għandu l-appoġġ assolut tal-Kap tal-Oppożizzjoni , inkluż meta jkun qed jaħdem kontra Malta barra minn pajjiżna u għalhekk issa il-Partit Nazzjonalista huwa partit magħqud. Dan ifisser li Adrian Delia anke fuq li ma jagħmilx ħsara lill-pajjiżna , diġa mar lura minn kelmtu.
L-istqarrija tgħid kif partit magħqud m’għandux ikun riżultati ta’ front wieħed kontra pajjiżna. B’differenza, il-Partit Laburista huwa verament magħqud biex dejjem jipproteġi l-interessi ta’ pajjiżna u biex aktar Maltin u Għawdxin ikomplu jkollhom ħajja aħjar.