Il-Pulizija qed iżżomm arrestat Albaniż li allegatament wettaq is-serqa minn ‘Diamonds International’ f’Tignè f’Ottubru s-sena li għaddiet u allegatament fera Pulizija waqt l-istess hold-up.
Begtash Muka ta’ 27 sena li għal dan l-aħħar sena kien imfittex mill-Pulizija dwar din is-serqa li saret fil-5 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra ġie arrestat il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi wara li pprova jaqbeż f’żona ristretta tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Żvelaw dan imkejjen qrib il-Korp tal-Pulizija li kkonfermaw kif qed iżommu lil Muka arrestat fl-Isptar Mater Dei wara li ġarrab ġrieħi ħfief u nstab li allegatament kien taħt l-effett ta’ sustanza lleċità.
Sorsi ta’ ONE News qalu li r-raġel ma rnexxilux jaqbeż fiż-żona tal-Ajruport Internazzjonali għaliex hekk kif ra lis-suldati, huwa ħarab jiġri u qabeż għall-Barracks Militari faċċata tal-Medavia.
Hawnhekk l-aggressur ħareġ arma tan-nar u ppunta lejn uffiċjal tad-Detenzjoni fejn minnufih ġie miżmum mis-Suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu fiż-żona. Minnufih intalbet l-assistenza tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li arrestaw lir-raġel u eventwalment ittieħed l-Isptar Mater Dei. Malli l-uffiċjali ħadu l-arma minn idejn l-aggressur indunaw li kienet waħda finta, madankollu ma’ l-ewwel daqqa t’għajn dehret li din kienet ta’ vera.
Minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit flimkien mal-Pulizija tal-ħames distrett immexxija mill-Ispettur Melvyn Camilleri, fejn tul il-jum ġie stabbilit li r-raġel hu ta’ nazzjonalità Albaniża u li x’aktarx huwa s-suspettat ewlieni ta’ serqa kbira s-sena l-oħra. F’dan il-hold-up kienet nsterqet ammont kbir ta’ ġojjellerija.
Ftit wara li ġara l-każ il-Pulizija sabet karozza tat-tip Volkswagen Golf abbandunata ħdejn il-‘fence’ tal-ajruport minn fejn allegatament ir-raġel ipprova jaqbeż fl-Ajruport. Filfatt il-Pulizija mhux qed teskludi li din il-karozza setgħet kienet qed tintuża mill-Albaniż.
ONE News hu nfurmat li l-karozza hi rreġistrata fir-Renju Unit madankollu fuqha kellha pjanċi ta’ reġistrazzjoni Maltin misruqa miċ-Ċirkewwa ftit tal-jiem ilu. Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija ma jidhirx li l-karozza kienet irrapurtata misruqa.
Fuq il-post isejjħet ukoll l-għajnuna tal-‘Explosive Ordinance Disposal Unit’ fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta li spezzjonaw il-karozza u aċċertaw li ma kien hemm l-ebda splussiv fil-karozza.
Madankollu wara spezzjoni bil-klieb tal-Pulizija rriżulta li fil-karozza kien hemm xi droga.
Dwar dan il-każ infettħet inkjesta Maġisterjali mmexxija minn Marsaenne Farrugia.