Affaċċjati b’delegazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, uffiċjali tal-Europol kienu skjetti ħafna meta tkellmu dwar l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Iddikjaraw li l-investigazzjoni ma waqfitx mal-arrest tat-tliet suspettati li wettqu l-qtil u saħansitra tressqu l-Qorti. Qed ikunu esplorati possibbiltajiet oħra fejn iddikjaraw li dan hu att kriminali li għandu rabtiet internazzjonali.
Kienu ċari wkoll li l-investigazzjoni bħal din tieħu ż-żmien. Il-Europol qalu li ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn jekk ma jkunx hemm il-ħeġġa tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda għamluha ċara li f ’Malta dan mhuwiex ilkaż. “Il-koperazzjoni hi tajba,” qalu l-uffiċjali tal-Europol li tennew li kieku ma jarawx is-serjetà jitilqu għax tkun milquta r-reputazzjoni tagħhom. Jidher li n-nies tad-delegazzjoni tal-MEPs provaw jagħtu x’jinftiehem li hemm min qed jipprova jnaqqas ir-ritmu tal-investigazzjoni. Iżda, tal-Europol kienu ċari. Insistew li huma jiffokaw fuq il-fatti u jappoġġjaw lill-awtoritajiet u mhux jitkellmu fuq l-ispekulazzjoni. Saħansitra qalu li l-investigazzjoni sejra fid-direzzjoni t-tajba u skont gwidi maqbula bejn il-Europol u l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Żiedu wkoll li fis-Slovakkja l-investigazzjonijiet huma iktar ikkumplikati għax f ’Malta l-fatt li kien hemm l-arresti kmieni kien inkoraġġanti anke jekk baqa’ xogħol xi jsir. Fuq kollox qalu li qatt ma ħadmu qrib stati membri daqs din id-darba u finalment qalu li huma konvinti fuq il-każi.
Il-Prim Imħallef dubjuż dwar l-inkjesta li ilha tintalab
Il-Prim Imħallef iddikjara li għandu riservi dwar jekk inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġġibx ir-riżultati. Dan huwa ddikjarat f ’rapport ta’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet tagħmel parti minnha l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola.
Għalkemm hemm rendikont tal-punti li tqajmu mal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi m’hemmx traskrizzjoni diretta. Iżda, jidher ċar li l-Prim Imħallef għandu l-istess parir ta’ esperti oħra li f ’dan l-istadju ma tagħmilx ġid. Saħansitra insista magħhom li l-inkjesta Maġisterjali fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tinsab f ’idejn tajbin u fakkar li ladarba kien hemm tliet persuni, il-Qorti l-inkjesta setgħet ingħalqet, iżda għażel li jkompliha.
Filwaqt li meta l-Maġistrat laħaq Imħallef ittieħdu l-kunsiderazzjonijiet kollha biex l-inkjesta tkompli b’mod tajjeb ħafna. Fuq kollox il-Prim Imħallef tkellem dwar l-indipendenza tal-ġudikatura Maltija u qatt li hu qatt ma kellu ndħil f ’xogħlu. Dan f ’konformità mat-tradizzjoni twila ta’ indipendenza tal-ġudikatura.