Ġie ffirmat il-ftehim għal reverse osmosis ġdida f’Għawdex.
Ix-xogħolijiet fuq dan il-proġett state of the art mistenni jibda fi ftit tal-ġimgħat oħra.
L-investiment ta’ 11-il miljun ewro se jipprovdi lil Għawdex bi provvista tal-ilma ta’ kwalita, sigurta, effiċjenza u sostenibbli.
Mill-ewwel jum li jitlesta dan il-proġett, l-Għawdxin u dawk li jżuru l-gżira Għawdxija, se jibdew jibbenefikaw minn servizz imtejjeb.
Ir-Reverse Osmosis se jkollu l-kapaċita li jipproduċi disat elef metru kubu ta’ ilma frisk tal-għola kwalita kuljum.
Sa issa Għawdex kien dipendenti fuq main tal-ilma li jgħaddi minn taħt il-baħar u minn ammont ta’ ilma tal-pjan li jinġibed minn taħt l-art.
L-impjant jilħaq livelli impressjonanti ta’ effiċjenza u juża biss tlieta punt wieħed kilowatt fis-siegħa għal kull metru kubu u jiġi pproduċut bi spiża ta’ madwar 40 ċenteżmu ta’ ewro biss.
L-impjant se jsir punt ta’ referenza internazzjonali eċċelenti u mistenni jiġbed lejh interess kbir mill-industrija tal-produzzjoni tal-ilma.
Il-ministru għall-enerġija, Joe Mizzi qal li jinsab sodisfatt li wasal il-jum li Għawdex ikun mija fil-mija awto suffiċjenti fejn tidħol il-produzzjoni tal-ilma.
Fid-dawl li ġie ffirmat il-kuntratt għax-xogħolijiet, fisser kif il-biċċa l-kbira tax-xogħol preparatorju sar, l-istudji ambjentali tlestew, u l-permessi ħarġu u ġew approvati b’mod unanimu mill-Awtorita tal-Ippjanar biex b’hekk dak kollu li ġie ppjanat fuq il-karti, se jibda jitwettaq b’reqqa u bil-galbu fil-ġimgħat li ġejjin.
Huwa fisser kif dan l-impjant se jkollu wkoll sistema li tiżġura li anke f’każ ta’ qtugħ ta’ dawl, il-provvista tal-ilma ma tiġix interrotta.
Fi ftit kliem, mhux talli Għawdex mhux se jibqa’ dipendenti minn Malta għall-provvista tal-ilma imma se jkollu impjant tal-ogħla livell.
Barra minn hekk, żied jgħid li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timplimenta proġett li Malta għadha qatt ma rat wieħed tad-daqs tiegħu.
Proġett li jiswa 130 miljun ewro b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropeja li se jkunu qed jagħti impetu ġdid biex jibqa’ jkollna infrastruttura tal-ogħla livell ħalli tkompli tiġi sostnuta l- ekonomija li qiegħda dejjem tikber.
Preżenti għall-iffirmar tal-kuntratt kien hemm ukoll il-ministru għal Għawdex, Justyne Caruana u s-segretarju parlamentari għall-fondi ewropej, Aaron Farrugia.