Id-droga li tidħol fil-ħabs naqset bi 80%. Dan żvelah id-direttur tal-ħabs, il-Kurunell Alexander Dalli f’intervista ma’ ONE News:
Il-kurunell Dalli tenn li “Nistgħu ngħidu li d-droga naqset b’madwar 80% li għalina kollha hija achievement kbir. Tant hu hekk li l-ammont ta’ inmates li qegħdin jitolbu biex jibdew il-programm ta’ rijabilitazzjoni żdied”.
Is-Sur Dalli kompla jispjega li dan ma sarx b’kumbinazzjoni. Hawnekk huwa rrefera għall-karriera militari tiegħu u sostna kemm id-dixxiplina hija importanti f’kuntest bħal dak tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin:
“Jiena bħala bniedem li ġej mill-qasam militari nkun irrid kollox mal-linja u mal-ewwel kif dħalt hemm ġew ridt niġbed id-dixxiplina”.
Mal-bidu tal-karriera tiegħu fil-ħabs il-kurunell Dalli nnota sitwazzjonijiet li ma niżlulu xejn tajjeb:
“Ma kienx possibli jew permettibbli li jiena fil-ħabs inħalli il-priġunieri jiġġieldu, inħalli lill-priġunieri jibbuljaw, inħalli d-dorga dieħla qisu xejn m’hu xejn u naturalment jiena bdejt nagħmel dawk il-passi kollha biex inġib lura d-dixxiplina”.
Mistoqsi kif intlaqgħet din is-sistema, il-Kurunell Dalli spjega li l-priġunieri ġenwini laqgħu l-bidla fil-mentalità, madankolu xorta baqa’ min għadu jaħseb mod ieħor:
“Le, mhux kulħadd huwa kuntent li hemm id-dixxiplina. għandek ammont ta’ nies li dawn tul ħajjithom kollha qatt ma kellhom dixxiplina. Però llum il-ħabs huwa l-istess għal kulħadd”.
Huwa laqa’ l-fatt li ħafna qegħdin jindunaw li posthom mhux il-ħabs u qegħdin jittamaw li fil-futur dawn in-nies ma jerġgħux jispiċċaw wara l-iżbarra għax jintebħu li l-ħabs mhux l-aħjar post għalihom:
“Jekk inti dħalt il-ħabs u sibt illi l-ħabs mhux dak il-post fejn aħjar ma tkunx fih jew inkella l-ħabs huwa post faċli, awtomatikament għalik li tkun ġewwa jew li tkun barra ma tagħmilx daqsekk differenza”.
Waħda mil-limitazzjonijiet ewlenin li hemm bħalissa fil-ħabs hija d-daqs. Bini li huwa maħsub biex jesa’ 400 priġunier issa għandu ’l fuq minn 600.
Huwa spjega kif bħalissa qed jitħejja Prison Brief sabiex jiġu identifikati żoni fil-ħabs sabiex ikomplu jiżdiedu n-numru ta’ ċelel sabiex ilaħħqu mad-domanda ta’ bħalissa u dik tal-futur.