Malta mistennija jkollha krematorju. Dan hekk kif it-tfassil tal-liġi għall-kremazzjoni tinsab lejn it-tmiem u għalhekk mistennija titressaq quddiem il-Parlament.
Dan l-abbozz ta’ liġi privat dwar il-kremazzjoni se jitressaq mid-deputat tal-Gvern Rosianne Cutajar.
It-tfassil ta’ dan l-abbozz sar wara konsultazzjoni bejn Cutajar u fost l-oħrajn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Umanisti.
Fil-fatt f’laqgħa fil-Parlament, l-Umanisti ressqu numru ta’ ħsibijiet biex din il-liġi, li ironikament titkellem dwar il-ħajja taċ-ċittadin, tidħol fis-seħħ.
Huma laqgħu l-fatt li l-ħsieb tal-krematorju huwa fuq l-aġenda tal-Gvern u saħqu li l-kremazzjoni huwa ferm irħas minn funeral tradizzjonali.
Roger Tirazona, Chairperson tal-Umanisti qal li “bħala assoċjazzjoni kuntenti ħafna li din hija fuq l-aġenda, għaliex hija xi ħaġa li tolqot lil kulħadd fuq livell personali u li tmiss il-ħajjiet tagħna. Ir-realtà tal-mewt hija realtà li jrid jgħix kulħadd u għalhekk hija xi ħaġa li aħna nilqgħuha ħafna. L-issue tal-kremazzjoni m’hiex xi ħaġa tal-umanisti hija xi ħaġa ta’ kulħadd”.
Waqt id-diskussjoni ma’ Cutajar sar aċċenn li jiġi identifikat post għall-kremazzjoni u li biswitu tkun tista’ ssir ċerimonja idonja biex tfakkar il-memorja tal-persuna li tkun għadha kemm ħalliet din id-dinja.
Intqal ukoll li l-kremazzjoni m’hiex xi ħaġa li l-Knisja Kattolika topponi, għalkemm din tħoss li kemm il-darba persuna tiġi kremata, il-fdalijiet tiegħu jinżammu f’post sagru.
Hawnhekk Cutajar saħqet li l-kunċett ta’ għażla libera se jkun imħaddan fil-liġi proposta:
“L-iktar ħaġa importanti li żammejna f’moħħna qabel ma bdejna naħdmu fuq dan l-abbozz huwa l-element ta’ personal choice, jiġifieri hemmhekk qegħdin nagħtu l-għażla lill-individwu. L-element ta’ religous freedom, li inti jista’ jkollok ċelebrazzjoni wara mewtek ta’ tipi differenti ta’ reliġjonijiet jew saħansitra jekk inti umanist jew inti m’għandek l-ebda tip ta’ reliġjon. Iżda b’mod speċjali żammejna f’moħħna l-aspett t’ambjent. Gżira daqstant żgħira, ma jistax ikun inkomplu nokkupaw aktar bil-bini ta’ oqbra madwar Malta u Għawdex”.
Iż-żewġ naħat qablu li l-kremazzjoni se tkun xi ħaġa ġdida fil-pajjiż u għalhekk din il-liġi tista’ twassal għall-bidla kulturali fil-mod kif infakkru l-memorja tal-għeżież tagħna.