Herbert Said ta’ 68 sena kien immultat wara li qabeż central strip u ħabat ma’ karozza oħra b’mara u tarbija fiha. Il-Qorti ordnat ukoll li dan ikollu l-liċenzja tas-sewqan sospiża.
L-inċident kien seħħ f’April tas-sena l-oħra, meta Said ta’ 68 sena kien qed isuq station wagon fi Triq tal-Barrani, direzzjoni lejn Birżebbuġa, iżda dan qabeż is-central strip u spiċċa fil-karreġġjati li jagħtu għad-direzzjoni opposta. Hemmhekk, ħabat f’karozza oħra misjuqa minn mara li kellha tarbija fil-karozza. Din tal-aħħar ma sofriet ebda ġrieħi, iżda l-mara ġarrbet ġrieħi ħfief.
Said tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ sewqan traskurat, perikoluż, u bla kont, u li darab ħafif lill-mara. Huwa ċaħad li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva u qal li qabeż is-central strip għax kienet baxxa. Il-Qorti ma qablitx ma’ dan, u sostniet li l-akkużat ma kellux kontroll tal-karozza, tant li taret għal fuq il-karozza misjuqa mill-vittma.
Il-Qorti nnutat ukoll li ma kienx hemm biżżejjed provi biex l-akkużat ikun iddikjarat li saq b’mod perikoluż, iżda kien ċar li dan saq bi traskuraġni.
Huwa nstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kien immultat €1,000, filwaqt li kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal għaxart ijiem.