L-Ispeaker Anġlu Farrugia kellu laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kif ukoll mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis bħala parti mill-proċess tal-konsultazzjoni pubblika li nedew fir-rigward tal-White Paper dwar ir-Riforma fil-Gvern Lokali.
Għal din il-laqgħa l-Ispeaker kien akkumpanjat minn membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, Glenn Bedingfield u Robert Cutajar.
Il-laqgħa nfetħet mill-Ispeaker Anġlu Farrugia li faħħar din l-inizjattiva li għandha sservi biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet taċ-ċittadin sabiex il-bniedem dejjem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika lokali. L-Ispeaker għamel aċċenn ukoll għall-emenda Kostituzzjonali dwar ir-reġjuni. Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-Ispeaker li laqa’ l-istedina li saritlu sabiex ikun parti mill-konsultazzjoni pubblika. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bonnici rrimarka li l-fatt li l-kunsilliera jiġu eletti direttament mill-poplu, jara l-Uffiċċju tal-Ispeaker bħala awtorità morali li għandha x’tikkontribwixxi f’dan l-eżerċizzju ta’ titjib fl-amministrazzjoni tal-kunsilli li huwa ndirizzat biex finalment kull ċittadin f’kull belt u raħal ta’ gżiritna jkun moqdi aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li din ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ il-kunsilli fejn jidħol il-qasam soċjali sabiex kemm jista’ jkun jiġi assigurat li l-ebda persuna ma tiġi mċaħħda mill-opportunitajiet u s-servizzi offruti mill-gvern lokali.
Il-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield qal li l-esperjenza tiegħu mal-kunsilli lokali għallmitu japprezza l-bżonn li jeżisti għar-riforma li qed tiġi proposta b’din il-white paper, mhux l-inqas għaliex l-istess kunsilli għandhom f’idejhom il-polz tan-nies peress li huma l-ewwel staffa fejn jirrikorri ċ-ċittadin f’każ ta’ bżonn.
Il-Membru Parlamentari Robert Cutajar qal li din hija riforma importanti oħra bħalma kienu riformi li saru f’dan is-settur fil-passat. Huwa rrefera għad-dokument li ħareġ il-Partit Nazzjonalista bi tmenin proposta fir-rigward ta’ din il-white paper li jkopri erba’ oqsma: dak soċjali, dak finanzjarju, dak dwar is-sigurtà, kif ukoll fejn jidħol il-qasam tal-amministrazzjoni.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’din il-laqgħa, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din hija riforma importanti li se tkun qed issaħħaħ id-demokrazija lokali f’pajjiżna. Huwa assigura li se jkun qed jagħti l-appoġġ tiegħu u f’dan ir-rigward irrefera għall-assistenza li se jkun qed jagħti l-uffiċċju tiegħu sabiex aktar tard matul din-sena s-sindki jkollhom l-opportunità jiltaqgħu fil-plenarju tal-Parlament. Din se tkun opportunità biex il-leġiżlatur jisma’ b’mod dirett dak li għandhom x’jgħidu s-sindki, kemm f’dik li hija esperjenza kif ukoll l-isfidi li jaffaċċjaw fil-qadi ta’ dmirijiethom għall-ġid tal-poplu tagħna.