Għal snin twal kienet saret kważi drawwa li nkun mistieden għal ftit jiem minn familja ta’ xi ħbieb Ingliżi u m’għandniex xi ngħidu kull filgħodu konna nagħmlu festa mill-Full English Breakfast li konna niġu offruti. Ovvjament il-jiem ta’ wara kien ikun il-miżien li jagħmel festa meta kien jimmarka kemm inkunu żidna fil-piż!
Iżda l-ħajja tgħallimna li xejn mhu għal dejjem u mit-23 ta’ Ġunju 2016 ‘il hawn dawn il-ħbieb Ingliżi ma baqgħux iservuna l-Full English Breakfast tas-soltu. Kienu jippreferu jżommuh għalihom waqt li lilna bdew iservuna toast u barra bid-daqq!
Riedu donnhom iwasslulna l-messaġġ li issa ladarba fir-Referendum il-poplu Brittaniku kien iddeċieda b’51.9% tal-voti li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, dak kollu li tradizzjonalment huwa marbut ma’ pajjiżhom kienu se jibdew iżommuh għalihom biss. Issa li kien se jiskatta l-artiklu 50 sabiex r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropeja qishom riedu jagħmluha ċara li kien se jibda ikun hemm distinzjoni bejn l-affarijiet tar-Renju Unit u l-affarijiet Ewropej.
X’fettlilhom?
Jista’ ikun li minħabba l-influwenza tal-Imperu Ingliż li fl-aqwa tiegħu fl-1920 kien jokkupa mal- erbgħa u għoxrin fil-mija tat-territorju dinji, jew minħabba li kienu jemmnu bis-sħiħ fil-kobor tal-imperu li fuqu qatt ma tinżel ix-xemx, , il-Brittaniċi minn dejjem kellhom ġibda lejn il-politika ta’ Splendid Isolation fejn iħossu li kapaċi jmexxu weħedhom mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd. Għaldaqstant minkejja li fl-1975 r-Renju Unit kien ivvota sabiex jagħmel parti mill-Unjoni Ewropeja qatt ma skattat dik ix-xintilla ta’ imħabba politika, soċjali u kulturali li kienet tippermetti l-pajjiżi Brittaniċi jħossuhom parti integrali mill-Ewropa. B’tongue in cheek tipiku brittaniku hemm min isostni li l-eqreb li r-Renju Unit kien fl-Ewropa kien fis-sitta ta’ Ġunju 1944 fil-famuża D Day bl-invażjoni tan-Normandija min-naħa tal-allejati. Mill-bqija donnha li l-bqija taż-żmien tar-relazzjoni mal-Ewropa kienet waħda ta’ konvenzjenza aktar milli ta’ konvinzjoni.
U hekk hu, li l-moviment Leave b’esponenti bħal Nigel Farage, Boris Johnson u David Davis riktbu fuq dan is-sentiment ta’ diffidenza lejn l-Ewropa u ħadmu bis-sħiħ sabiex lill-poplu jipperswaduh li l-aħjar triq hija dik li r-Renju Unit jinqata’ kompletament mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja u jerġa’ jieħu rajh f’idejh. Rikbu ħafna fuq is-sentimenti tal-biża’ mill-immigrazzjoni li skont huma kienet se toħnoq lill-pajjiż. Fil-kampanja tal-Leave issemmew ukoll mill-fondi kbar li r-Renju Unit kien qed jikkontribwixxi biex, kif dejjem ippridkaw, l-Ingilterra ma kienet qed tieħu xejn lura. Tibqa’ ċara f’għajnejja l-immaġini tad-double decker li kienet tintuża waqt il-kampanja tar-referendum u li mal-ġenb tagħha kien hemm miktub li r-Renju Unit maqtugħ mill-Ewropa kien se jiffranka 350 miljun sterlina u li dawn il-fondi kienu se jiġu użati fl-iskema nazzjonali ta’ saħħa b’xejn magħrufa bħala NHS.
Brexit
U Brexit saret rejalta’ Il-poplu bela’ din il-propoganda u issa suppost li fil 11 ta’ filgħaxija (ħin ta’ Malta) tad-29 ta’ Marzu 2019, r-Renju Unit għandu joħroġ mill-Unjoni Ewropeja darba għal dejjem.
Ma nafx kif iħossu l-eks Prim Ministru David Cameron li kien il-moħħ tar-referendum u li aktar minn Full English Breakfast ħalla balbuljata sħiħa warajh!
In-negozjati mmexxija mill-Prim Ministru attwali Theresa May, li ironikament qabel ir-referendum ħadmet sabiex r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropeja, xejn ma kienu faċli. Tilfet żewġ esponenti ewlenin f’ Boris Johnson (eks Ministru għall-Affarijiet Barranin) u David Davis (Segretarju responsabbli mill-Brexit) li ħarġu apertament kontra l-mod kif qed tinnegozja. Hemm min jgħid li jista’ ikun hemm possibilta’ ta’ No Deal mal-Ewropa u oħrajn isostnu li d-Deal li qed tinnegozja May imur ferm ‘il bogħod mill-miri oriġinali tal-esponenti li xtaqu jitilqu ‘l barra mill-Unjoni Ewropeja.
Mhux se nidħol fil-merti tal-fatt li l-poplu Skoċċiż ma jridx li joħroġ mill-EU jew id-difikultà li jidher li hemm dwar il-fruntiera li trid tinħoloq bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża. U lanqas se nidħol fid-dettal dwar il-qasma li hemm fil-partiti dwar il-futur tar-Renju Unit jew s-sejħa ta’ ħafna għat-tieni referendum. Aktar u aktar meta lanqas il-poplu Brittaniku ħafna drabi mhu qed jifhem x’qed jiġri jew x’se jiġri wara id-29 ta’ Marzu 2019.
Osservazzjonijiet.
Li jinteressani nislet biss żewġ osservazzjonijiet li minnhom bħala Moviment progressiv jeħtieġ li nitgħallmu minnhom f’pajjiżna. Anke fid-dawl li qegħdin fuq l-għatba tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali.
L-ewwel nett kemm hu essenzjali li wieħed jieħu bl-akbar serjeta’ kull propaganda li tista’ issir sabiex tħawwad moħħ il-poplu. Kemm hemm bżonn li jiġi ppreżentat b’mod ċar il-programm tal-Moviment u li ma jittieħed xejn for granted . U li l-kampanja tkun dejjem waħda dinamika u b’saħħithau li twassal messaġġ li jiftiehem.
Xi ħaġa li min fir-Renju Unit mexxa l-kampanja tar-Remain ma tahiex l-importanza meħtieġa.
It-tieni nett. Kemm hu importanti li l-Moviment ifiehem li l-vot ta’ kulħadd huwa essenzjali. Min joqgħod id-dar dakinhar tal-elezzjonijiet jew inkella jiddeċiedi li ma jivvotax iridu ikun imfiehem li qed jagħmel disservizz lilu nnifsu. Għax dak il-ħin minħabba rabja jew apatija wieħed jista’ ikun qed jieħu gost bil-messaġġ ta’ protesta li jkun qed jibgħat imma meta jgħaddi ż-żmien jiddispjaċih u jkun tard wisq.
L-istess kif iddispjaċihom il-Brittaniċi li kienu favur l-Unjoni Ewropa imma għal raġuni jew oħra ma ħarġux jivvutaw u issa jkollhom joqogħdu għad-deċiżjoni tal-maġġoranza li ħarġet tivvota.
U issa?
L-effetti ta’ Brexit fuq pajjiżna żgur li se jkunu ħafna: fit-turiżmu, fl-investiment u kummerċ.
L-importanti li xi darba nerġgħu naqsmu l-Full English Breakfast flimkien u nħarsu ‘l quddiem sabiex dak li nbena matul is-sekli ma jinħattx iżda jissaħħah anke jekk f’forom differenti minn dawn li mdorrijin bihom illum.
U naraw li l-miżien ixaqleb lejn pajjiżna u nisfruttaw b’mod pożittiv u mill-aħjar li nistgħu l-effetti li żgur se tħalli Brexit fuqna.