Xewqa tar-Rabtin li tmur lura għall-aktar minn 50 sena sa’ mill-Konċilju Vatikan II, qed issir realta’. Dan hekk kif bħalissa għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet fuq presbiterju akbar għall-Knisja Arċipretali u Kolleġjata ta’ San Pawl fir-Rabat; sabiex isir altar mejda fiss tal-irħam li jkompli jżejjen dan it-tempju maestuż iddedikat lill-Appostlu San Pawl.
L-Arċipriet tal-Parroċċa l-Kanonku Louis Suban spjega kif fl-aħħar jiem iżżarmaw il-kolonni u ngħata l-konkos madwar l-artal biex il-presbiterju seta’ jikber bi kważi metru mad-dawra. Għal dan il-għan ġew ħaddiema Taljani li qabblu l-irħam l-ġdid mal-antik, u ma’ dawk li bih se jinbena l-altar mejda biex ikun jaqbel mal-altar maġġur imponenti ta’ din il-knisja maħdum minn irħam abjad.
Il-Kanonku Suban spjega li “issa l-altar maġġuri u l-altar mejda se jkunu f’sintomija ma’ xulxin, jiġifieri meta wieħed jarahom ma jgħidx li hemm xi ħaġa żejda fuq il-Presbiterju imma se jkun hemm żewġ affarijiet li jaqblu u anke se jkun hemm is-sedja u l-ambone flimkien mal-gradenzini li se jkunu pariċ tal-irħam”.
Huwa spjega kif minkejja li mal-milja taż-żminijiet ir-Rabtin għamlu minn tal-anqas tlett tentattivi biex jibnu altar tal-irħam u presbiterju akbar, huwa issa li dan qed iseħħ.
L-Arċipriet Suban spjega kif se jinqala’ l-battisteru tal-irħam minn fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja u se jitpoġġa ħdejn l-artal. Dan bil-għan li ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jsiru aħjar.
Huwa temm jgħid kif fil-ġimgħat li ġejjin se jibda proġett ieħor ta’ €100,000 li permezz tiegħu se tiġi restwrata l-pittura tas-saqaf tal-knisja – li għadu qed ibati l-konsegwenzi tat-tiġrif tal-koppla fl-1920.