B’79 punt, Malta klassifikat fid-disa’ post fost mija u ħamsa u disgħin pajjiż fil-qasam tas-saħħa.
Dan fil-ġurnal internazzjonali magħruf kemm ma jħares lejn wiċċ ħadd “The Lancet” – li jispeċjalizza fuq is-saħħa.
F’analiżi dettaljata ta’ tmienja u erbgħin paġna, “The Lancet” ħares lejn wieħed u erbgħin indikatur fil-qasam tas-saħħa.
Malta kisbet punti massimi f’għaxar indikaturi – fosthom fejn jidħol il-mard li jittieħed, l-iżvilupp tat-tfal, u t-tniġġis fl-arja.Dan filwaqt li pajjiżna kiseb aktar minn tmenin punt fi tmienja u għoxrin indikatur ieħor fejn ġew rikonoxxuti s-servizzi ta’ saħħa b’xejn, prevalanza baxxa tal-Epatite B, u rata baxxa ta’ suwiċidji.
Mr Fearne qal li “Is-sena l-oħra konna fit-Top 20. Iżjed ma titla ’l fuq, iżjed diffiċli li tkompli tiela, u filfatt bejna u bejn min hemm l-ewwel post li huwa Singapor, ftit punti hemm. Però eħe, irnexxielna mill-erbatax-il post nitilgħu fid-disa’ post u issa mit-Top 20 ġejna fit-Top 10.”
Fost l-affarijiet li analizza “The Lancet” hemm l-aċċessibilità għas-servizzi u għall-mediċini, il-listi ta’ stennija, u l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà fis-settur.
L-esperti indipendenti qalu li Malta tinsab fil-ħin biex tilħaq diversi miri sal-elfejn u tletin.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li dan huwa riżultat tal-ħidma bla preċedent li ssir bla waqfien fis-settur, u ddeskrivieh bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Mr. Fearne spjega “Irrid nirringrazzja lill-professjonisti, lin-nurses li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Dan huwa riżultat tagħhom, huwa riżultat ukoll tal-ħidma tal-Gvern, tad-direzzjoni tal-Gvern u tal-investiment kontinwu li nagħmlu f’dan is-settur.”
Fl-ewwel post hemm Singapor – b’sitt punti biss iżjed minn Malta, filwaqt li fl-aħħar tal-klassifika hemm numru ta’ pajjiżi fl-Afrika.