Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li mhux jgħid li Yorgen Fenech xaħħam lil xi ħadd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Tumas Group Yorgen Fenech kien indikat f’rapporti fil-midja bħala s-sid tal-kumpanija 17 Black. Din hi kumpanija li fl-imgħoddi ingħad li hi ta’ persuni oħra fosthom, l-eks Ministru John Dalli.
Wara li fil-midja ntqal li din hi ta’ Fenech, negozjant ewlieni f’pajjiżna li hu parti mill-konsorzju tal-power station ta’ Dellimara, Adrian Delia ħareġ jitlob għar-riżenji tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Mistoqsi b’mod ċar u tond biex jgħid jekk kienx qed jgħid li l-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group kienx qed ixaħħam lil xi politiku jew lil xi ħadd, Adrian Delia qal biss: “Mhux ngħid hekk.”
Minkejja li tkellem dwar il-governanza tajba, Adrian Delia naqas milli jgħid jekk huwiex se jitlob investigazzjoni dwar l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa.
B’affidavit ġuramentat il-whistleblower, li huwa eks impjegat ta’ Casa, tkellem dwar kif Casa kien jagħmel użu eċċessiv mid-droga kokaina.
Huwa ta dettalji wkoll dwar kif Casa allegatament kien iżidlu bil-kbir is-salarju tiegħu biex imbagħad parti minnha ma joħodhiex il-ħaddiem, iżda tmur għal użu ieħor. Saħansitra fuq il-karta l-ħaddiema tiegħu kienu jitħallsu iktar minnu.
Kazijiet li wasslu sabiex l-aġenzija ta’ kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF, jibda investigazzjoni preliminari fuq David Casa.
Iżda Adrian Delia prova jaħrab milli jwieġeb dan il-każ. L-ewwel skuża tkun ma jafx b’dan il-każ, imbagħad qal li ma jafx li l-OLAF qiegħda tagħmel xi investigazzjoni dwar Casa.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Adrian Delia, għamel konferenza tal-aħbarijiet jitlob ir-riżenji meta fl-istess nifs kien hu stess li ddikjara li mhux qed jgħid li kien hemm xi ħadd li xaħħam lil xi ħadd.
Qal li għalhekk ma jistax jifhem kif Delia xorta rrepeta kantaliena tar-riżenji meta hu stess għamel dawn id-dikjarazzjonijiet li juru li dak irrapportat fil-midja huma biss allegazzjoni.
Il-Partit Laburista sostna li biex forsi jibda jkun kredibbli, il-Kap tal-Opposizzjoni għandu jitlob investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet serji li hemm fil-konfront ta’ wieħed mill-MEPs tiegħu u l-allegazzjonijiet li kienu saru dwaru minn Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Lbaurista qal li wieħed jistaqsi għaliex fiż-żewġ każi kemm David Casa u Adrian Delia donnhom huma beżgħana minn investigazzjoni.