Aktar minn 10 sigħat ta’ xemx u t-temperatura massima tax-xahar ta’ 27.4˚C, li t-tnejn intlaħqu fl-ewwel jum tax-xahar, jista’ jkun li ġiegħlu lil min jaħseb li l-kundizzjonijiet tat-temp għal Ottubru ma kinux ser ikunu severi. Però x-xahar kien fil-fatt l-aktar wieħed b’maltempati mill-1951.
It-temperaturi tal-arja ta’ Ottubru varjaw bejn l-ogħla massimu ta’ 27.4˚C u t-temperatura minima l-aktar baxxa ta’ 13.8˚C, li nlaħqet fl-aħħar jum tax-xahar.
It-temperatura medja talarja ta’ 21.5˚C kienet ekwivalenti għan-norma klimatika għax-xahar ta’ Ottubru maħduma fuq 30 sena. Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja tal-baħar kienet 1.4˚C ogħla min-norma ta’ 23.5˚C.
Filwaqt li l-ewwel jum tax-xahar kien l-aktar wieħed xemxi, it-tieni jum kien l-aktar wieħed imxarrab u pjuttost anqas imdawwal b’4.4 sigħat ta’ xemx imkejlin. Fit-tieni jum ta’ Ottubru niżlu 43.8 mm ta’ xita – jiġifieri madwar 23% tax-xita totali u tant meħtieġa ta’ Ottubru, li kienu riżultat ta’ pressjoni baxxa fuq Korsika li mbagħad imxiet lejn in-Nofsinhar.
Il-189.0 mm ta’ xita li nġabru x-xahar li għadda kienu ħafna aktar mit-total mistenni normalment f’dan iż-żmien tas-sena; jiġifieri dak ta’ 75.6 mm. Madankollu, dan it-total xorta ma sebaqx ir-rekord għax-xahar ta’ Ottubru li ġie stabbilit fl-1951 b’476.5 mm ta’ xita. Minnaħa l-oħra, b’16-il jum bir-ragħad, ix-xahar li għadda ħa post Ottubru 1962 (12-il jum bir-ragħad) bħala l-aktar Ottubru tempestuż fir-rekords meteoroloġiċi.
F’nofs il-maltemp kollu kien hemm ukoll raġġi ta’ dawl, bix-xemx toħroġ għal total ta’ 187.7 sigħat tul ix-xahar ta’ Ottubru. Id-data meteorologika turi li kienu biss tlitt ijien f’Ottubru – l14, it-18 u l-31 – li fihom ix-xemx ma ħarġet xejn. Fil-31 ta’ Ottubru, il-gżejjer esperjenzaw ukoll maltempati bir-ragħad u perjodi twal ta’ xita, li żgur mhux forsi ħarbtu l-pjanijiet ta’ ħafna li kienu ser josservaw l-użanza ta’ ħlewwa jew dnewwa.
B’medja ta’ 7.8 knots, il-veloċità tar-riħ għal Ottubru kienet 0.6 knots ogħla min-norma. L-aktar jum mirjieħ tax-xahar kien il-21 ta’ Ottubru, fejn tkejlet buffura riħ ta’ 37.5 knots li kienet qed tonfoħ mit-Tramuntana kwarta Grigal.
Osservazzjonijiet meteoroloġiċi oħrajn jinkludu rapporti ta’ trab mid-Deżert tas-Saħara fit-28 u d-29 ta’ Ottubru.